Qorti

Jammetti li ħabat fi tliet karozzi u jagħti n-nar lill-karozza tiegħu

Raġel ingħata ordni ta’ probation għal tliet snin u kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal ħames snin wara li ammetta li daħal fi tliet karozza u ta n-nar lill-karozza tiegħu stess.

L-inċident kien seħħ f’Awwissu tal-2008 meta r-raġel kien qed isuq il-vettura tiegħu tal-għamla Peugeot 306 fi Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun u baqa’ dieħel fi tliet karozzi pparkjati.

Hu baqa’ sejjer lejn il-Foss tal-Belt Valletta fejn hemmhekk ta n-nar lill-karozza tiegħu stess. Psikjatra mqabbad mill-Qorti eżamina lir-raġel u qal li li għandu problemi mentali u qed jingħata l-Kura fl-Isptar Monte Carmeli.

Ir-raġel kien diġa’ taħt ordni ta’ probation fuq każ ieħor u kien qed jiġi segwit minn probation officer.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Marseann Farrugia ordnat li r-raġel jitpoġġa taħt probation għal tliet snin u fl-istess żmien għandu jingħata trattament għall-kundizzjoni tiegħu. Hu kien ordnat ukoll iħallas €2,000 f’danni lis-sidien tal-karozzi milquta.