Lokali Parlament

L-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji għandu jinħatar bi qbil tal-Parlament

L-awtonomija u l-indipendenza tal-aktar istituzzjonijiet importanti qegħdin jiġu sfidati kontinwament mill-Gvern

L-Arbitru għas-Servizzi Fnanzjarji għandu jkun maħtur bi qbil u bl-approvazzjoni tal-Parlament u mhux mill-Ministru li jagħżlu, li jappuntah, li jagħtih il-paga u li jiddeċiedi hu jekk jibqax jokkupa l-kariga għal terminu ieħor jew inkella jkunx sostitwit.

Id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono fissret li l-Att li jwaqqaf Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji fil-prinċipju hu pass ‘il quddiem għalkemm hemm punti dubjużi li jeħtieġu kjarifika mill-Gvern.

Staqsiet għaliex f’settur daqstant importanti u sensittiv mhux biss ma ħarġitx white paper għall-konsultazzjoni, iżda ma saret l-ebda konsultazzjoni wiesgħa mal-industrija tas-servizzi finanzjarji.

Dwar id-dritt għall-appell, semmiet li fir-realtà l-liġi se tippreżenta dritt żlugat għax ftit li xejn jagħti dritt għal appell xieraq. Ikkritikat li l-liġi hi fqira mill-ispjegazzjonijiet u jeħtigilha diversi kjarifikazzjonijiet.

Fissret ukoll li f’kull proċess ta’ dan it-tip, wieħed jistenna li jkun fih smiegħ xieraq. Issuġġeriet li jekk il-partijiet ikollhom l-opportunità ta’ lanqas darba li fiha jippreżentaw il-każ mill-perspettiva tagħhom, jagħti aktar sodisfazzjon lill-partijiet involuti biex il-ġustizzja tkun saret b’mod sħiħ.

Istituzzjonijiet qegħdin jattiraw l-attenzjoni tal-pubbliku u tal-media għar-raġunijiet il-ħżiena
Filwaqt li rriferiet li f’dawn l-aħħar sentejn diversi istituzzjonijiet qegħdin jattiraw l-attenzjoni tal-pubbliku u tal-media għar-raġunijiet il-ħżiena, semmiet fost l-oħrajn il-ħatriet fil-Bank Centrali, il-mod kif tmexxiet il-grievance unit u l-promozzjonijiet li ngħataw fil-Bank of Valletta, u l-kontroversja dwar self ta’ €101 miljun lill-Electrogas fuq garanzija tal-Gvern minn flus il-poplu.

Semmiet li hu kontradittorju l-fatt li filwaqt li l-Arbitru skont dan il-Att teoritakament għandu jagixxi b’mod indipendenti u imparzjali fejn l-Artbitru qed ikun suġġett għall-ordni jew il-kontroll ta’ xi persuna jew awtorità oħra, fl-istess waqt se jiġi appuntat, remunerat, konfermat jew imneħħi mill-Ministru tal-Finanzi.

Kristy Debono fissret li skont dan l-Att, se jkun il-Ministru li se jkollu l-poter li jistabbilixxi l-proċeduri għall-investigazzjoni u l-aġġudikazzjoni – poter li mhux se jħalli distinzjoni ċara bejn il-poter tal-Ministru u dak tal-Arbitru.
Ikkritikat ukoll li lanqas m’hemm separazzjoni ċara tal-poteri – bejn ir-rwol tal-Arbitru bħala medjatur, investigatur u ġudikatur.

Kristy Debono kkritikat kif is-settur tas-servizzi finanzjarji u l-awtonomija u l-indipendenza tal-aktar istituzzjonijiet importanti, qegħdin jiġu sfidati kontinwament minn dan il-Gvern. Appellat lill-Gvern iħalli s-settur tas-servizzi finanzjarji jimxi minnghajr indhil politiku qabel ma naqbdu t-triq tan-nizla b’tali mod li ma nkunux nistghu nergghu lura.

Logħba perikoluża biex issalva wiċċ il-Gvern fuq wegħda tal-power station li marret żmerċ
Id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono fissret is-self ta’ €101 miljun mill-Bank of Valletta lill-konsorzju Electrogas għall-bini tal-power station u b’garanzija mill-Gvern ta’ €88 miljun minn fus il-poplu, bħala logħba perikoluża biex issalva wiċċ il-Gvern fuq wegħda li marret żmerċ u issa qiegħed jesponi bank kummerċjali tant sensittiv għall-ekonomija Maltija bħalma hu l-BOV għal riskju bla bżonn.

Meta tkellmet fil-Parlament waqt id-dibattitu dwar l-Att li se jwaqqaf l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji, IT u Gaming, tkellmet dwar il-mod li bih qed jiżviluppaw l-affarijiet fit-tmexxija tal-Bank of Valletta li tpoġġiet fil-kariga mill-Gvern aktar milli qed tmexxi fl-interessi finanzjarji tal-bank, tax-shareholders u tal-pajjiż.

Tmexxija tal-BOV servili li taqdi lill-Gvern fl-azzjonijiet partiġjani
Fissret it-tmexxija bħala servili li taqdi jew tagħti palati lill-Gvern fl-azzjonijiet partiġjani jew biex tgħatti l-wegħdiet elettorali mimlija duħħan li għamel dan il-Gvern.

Ikkritikat il-mod li bih kienu aġġudikati s-suppost ilmenti dwar inġustizzji u l-mod li bih ingħataw ir-rimedji filwaqt li komplew il-promozzjonijiet.

Semmiet ukoll il-mod kif il-Bank għandu l-flus għal ċertu golden handshakes ta’ aktar minn kwart ta’ miljun, waqt li jaqta’ ħesrem wara 25 sena l-BOV Review, rivista prestiġjuża fis-settur finanzjarju.

Irriferiet ukoll għal dak li kien ippubblikat fil-gazzetta The Malta Independent on Sunday, fejn il-Ministeru tal-Finanzi fisser is-self ta’ €101 miljun mill-BOV koperti u garantiti mill-Gvern bi €88 miljun bħala “A substantial adverse effect on the ability of the government to manage the Maltese economy.”

Quddiem din ir-raġuni li ta l-Ministeru għall-mistoqsija tal-imsemmija gazzetta biex ma jkunx pubblikat il-ftehim tal-garanzija bankarja mill-Gvern lill-BOV, Kristy Debono staqsiet lill-Ministru jgħid xfih il-ftehim; fejn daħal il-Gvern b’dan il-ftehim; u jekk waslitx l-approvazzjoni mill-UE għal din il-kwalità ta’ garanzija bankarja. Staqsiet ukoll għalfejn il-Gvern jinsab daqshekk dahru mal-ħajt li daħal f’negozju mistur f’ħabi liema bħalu u issa ma jistax jitkellem filwaqt li staqsiet jekk humiex minnhom l-allegazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess ta’ ċertu Ministri fuq dan il-każ.

Staqsiet ukoll jekk l-Ministri li allegatament għandhom kunflitt ta’ interess fuq dan il-każ baqgħux għal-laqgħa tal-kabinett meta ġiet approvata din il-garanzija bankarja.

Twissija lill-Ministru biex joqgħod attent fejn sejjer b’dan il-każ
Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni wissiet lill-Ministru joqgħod attent fejn sejjer b’dan il-każ; x’qiegħed jerfa’ fuq spallejh bħala Ministru tal-Finanzi u x’qiegħed jerfa’ wkoll il-Prim Ministru bħala l-Kap tal-Gvern u l-Kabinett, flimkien mat-tmexxija tal-BOV li għażlet li tgħid iva lill-Gvern.

Kristy Debono rriferiet ukoll għall-hedging gone wrong tal-kumpanija Air Malta li jagħmel tajjeb għat-telf li għamlet il-kumpanija mingħajr garanziji jew collateral.

Appellat lil dawk li l-Gvern poġġihom fit-tmexxija tal-Bank of Valletta, li l-flus tal-Bank of Valletta mhumiex la s-sasla tal-Gvern Laburista u l-anqas is-sasla ta’ xi Ministru jew tal-Prim Ministru.

L-Oppożizzjoni temmen li l-ħatriet fis-settur tas-servizzi finanzjarji għandhom isiru minn din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż – il-Parlament – u mhux mill-Ministru jew mill-Gvern għaliex s’issa dan il-Gvern falla minn kull eżami li kellu kemm fil-BOV u l-ħatra taċ-Chairman, kif ukoll fil-Bank Ċentrali fejn ukoll qed jittieħdu deċiżjonijiet mhux fl-interess veru ta’ pajjiżna.