“Il-Gvern mhux l-Istat u li tikkritika l-Gvern mhux tradiment tal-pajjiż.” Pożizzjoni editorjali ċara meħuda mill-ġurnal Times of Malta dwar il-każ ta’ tliet irġiel li sfaw sospiżi għaliex, skont il-Gvern Laburista, dawn qed iwettqu spjunaġġ.
It-tliet irġiel, kienu parti minn Grupp fuq Google jismu Finance Shadow Group u kienu jagħtu pariri lil Tonio Fenech meta kien għadu kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi.
L-Editorjal jibda billi jislet id-differenzi bejn kif il-Gvern agixxa fil-konfront ta’ dawn l-irġiel u kif aġixxa fil-konfront tal-Pulizija tal-RIU li allegatament użaw il-forza kontra l-Ungeriż Daboma Jack fil-Belt Valletta iktar kmieni dan ix-xahar
Fil-każ tal-Pulizija, il-Ministru Carmelo Abela qal li mhux se jieħu azzjoni fil-konfront tagħhom sakemm titlesta l-inkjesta interna. Imma mistoqsi għaliex dawn it-tliet uffiċjali pubbliċi kienu sospiżi immedjatament fuq bażi ta’ rapport fuq gazzetta, il-Ministru Abela qal li dawn ħadmu kontra l-interess tal-pajjiż.
L-editorjal ikompli li hu diffiċli li wieħed jara liema hi l-informazzjoni sensittiva li qed jirreferu għaliha għaliex mill-emails li ġew leaked sa issa kienu figuri dwar impjiegi, kummerċ, impjiegi mas-settur pubbliku u d-dejn tal-entitajiet pubbliċi. Informazzjoni li normalment tkun ippubblikata permezz ta’ stqarrija uffiċċjali.
L-Editorjal qal li filwaqt li jista’ jkun hemm issues ta’ ksur ta’ etika interna, min-naħa l-oħra ma jistax jingħad li tagħti pariri lil kelliem tal-Oppożizzjoni hu spjunaġġ u tradiment tal-pajjiż.
L-Editorjal itemm li l-Gvern Laburista jagħmel tajjeb jekk jevita diskorsi ta’ spjunaġġ u tradiment għaliex dan id-diskors ifakkar lil ħafna f’amministrazzjonijiet Laburisti tal-passat.
//= $special ?>

