Ans Abdulla Algheziwi, Libjan ta’ 28 sena residenti Birżebbuġa, ingħata sentenza ta’ 18-il xahar priġunerija wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih dwar serq minn guesthouse li kien joqgħod fiha qabel u minn żewġ karozzi.
Hu ammetta wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja wara każ pendenti ieħor li għandu quddiem il-Qorti. F’dak il-każ, hu qed jiġi akkużat li f’Ġunju 2014 abbuża sesswalment minn mara.
Mill-guesthouse, li tinsab fis-Swieqi, il-Libjan seraq laptop qabel ma ħareġ mill-post biex imur joqgħod Birżebbuġa. Fl-istess jum, fl-10 ta’ Ġunju li għadda, hu seraq ukoll minn karozzi tat-tip Citroen u BMW li kienu pparkjati fit-triq tal-guesthouse stess.
Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, l-Ispettur Elton Taliana qal li residenti ieħor fl-istess guesthouse kien għaraf lill-akkużat u informa lill-Pulizija. Barra minhekk, Inkjesta Maġisterjali wasslet biex jinġabar xi taqtir tad-demm li kien hemm ma’ waħda mill-karozzi, bit-testijiet tad-DNA iwasslu biex jiġi identifikat.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat tal-Għajnuna Legali Victor Bugeja qal li l-Libjan ma jiftakar xejn minn dak li ġara dakinhar għax kien xorob iżżejjed. Għalkemm qal li din mhijiex skuża, sostna li l-klijent tiegħu, dakinhar, kien ġie infurmat li l-milizzja Libjana qatlitlu lil ħuh.
L-Ispettur Taliana wieġeb li għalkemm qed issir l-allegazzjoni li l-akkużat kien fis-sakra, mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija sar magħruf li aktar tard mar lura fil-guesthouse tas-Swieqi. Qal li għandu jitwassal messaġġ qawwi b’appoġġ lejn ir-residenti tas-Swieqi minħabba l-problemi li qed jiffaċċjaw ta’ kuljum.
Dwar dan, il-Maġistrat Farrugia appella lill-Ispettur biex ikellem lill-Kummissarju tal-Pulizija ħalli jkollu aktar Pulizija, bl-Ispettur iwieġeb li dan diġà għamlu u ġie mgħarraf li t-talba qed tiġi segwita.
//= $special ?>