Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon qal li jinsab fil-mira ta’ attakki personali baxxi għax l-Oppożizzjoni ma tistax tikkritika r-riżultati li qed jikseb. Waqt konferenza tal-aħbarijiet ikkaratterizzata minn attakki kontra ġurnalisti, Michael Falzon ħabbar li se jiftaħ sensiela ta’ libelli kontra mezzi tax-xandir u kontra d-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus. Qal ukoll li hu jaħdem għan-nies u mhux biex jaqdi individwi.
Iżda meta kien mistoqsi dwar meta kienet l-aħħar darba li ltaqa’ ma’ Mark Gaffarena jew xi membru tal-familja tiegħu, Michael Falzon ħarab milli jwieġeb billi qal li ma jżommx djarju fuqu. Lanqas ma wieġeb meta kien mistoqsi biex jagħti data bejn wieħed u ieħor. Hu oġġezzjona wkoll għal dak li sejjaħ bħala gideb dwar il-pakkett ta’ rtirar li ngħata mill-Bank of Valletta.
Michael Falzon qal li mhux veru li ngħata paga ta’ erba’ snin u mhux veru li jista’ jirritorna fil-post tax-xogħol meta jrid. Qal li skont il-ftehim tiegħu, hu għandu ċans sal-aħħar ta’ Ġunju 2018 biex jirritorna. Sostna li hu ħa l-istess ftehim bħalma ħadu xi 130 persuna oħra. Iżda mistoqsi kemm minnhom ingħataw il-possibbiltà jirritornaw għax-xogħol mal-BOV, bħalma ngħata hu, Michael Falzon baqa’ ma weġibx.
Stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista
Fi stqarrija b’reazzjoni għal din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu politiċi serji u mhux dawk li jinvolvu rwieħhom fi skandli jintnu b’riħa ta’ korruzzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista qal li Michael Falzon irid jirrealizza li f’dak li qed jgħid jinsab kompletament iżolat, b’Joseph Muscat iservi bħala salvawomu li jiddefendih biex ma jħallihx jegħreq. Joseph Muscat u Michael Falzon jafu li minbarra l-Oppożizzjoni, hi l-media indipendenti li ta’ kuljum tiżvela kullana ta’ skandli li l-protagonisti tagħhom huma Michael Falzon u Gaffarena.
Michael Falzon ma jistax jibqa’ jaħrab mill-fatti żvelati dwar l-involviment tiegħu fl-Iskandlu Gaffarena, jiġifieri li Michael Falzon hu ħabib personali ta’ Gaffarena; li Michael Falzon siefer holiday ma’ Gaffarena; li Michael Falzon iltaqa’ ma’ Gaffarena f’Kastilja, fejn iddiskutew dak li ried Gaffarena minn Kastilja; li Uffiċjal f’Kastilja li għandu l-fiduċja ta’ Michael Falzon kien imur ma’ Gaffarena fid-Dipartiment tal-Artijiet; u li Michael Falzon iffirma ż-żewġ deals jintnu li għamlu lil Gaffarena multi-miljunarju mil-lejl għan-nhar.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar lil Michael Falzon li l-ewwel reazzjoni tiegħu għall-Iskandlu Gaffarena kienet li wasal għand il-media minħabba kunjom min gawda mit-3.5 miljun ewro. Iżda wara ġimgħa, l-istess Michael Falzon spiċċa jammetti l-involviment tiegħu f’dan l-Iskandlu.
//= $special ?>