Internazzjonali

Possibilta’ li Ryanair tħalli l-ajruport ta’ Trapani

Kollox qed jindika li l-kumpanija Ryanair mhux se tibqa’ tuża l-ajruport ta’ Trapani fil-Punent ta’ Sqallija bħala bażi tal-operat tagħha. Dan wara li l-awtoritajiet Taljani naqsu milli jħallsu numru ta’ pagamenti dovuti lil Ryanair bħala parti minn ftehim li għandhom mal-Kamra tal-Kummerċ u l-Kunsilli Lokali tar-Reġjun.

Minħabba li Ryanair għandha monopolju f’dan l-ajruport Sqalli, issa qed jikber it-tħassib minħabba l-fatt li s-settur turistiku fi Sqallija se jieħu daqqa ta’ ħarta fl-eventwalita’ li l-kumpanija ma ttirx aktar lejn dan l-ajruport.

Jekk il-linja tal-ajru low-cost tħalli din ir-rotta, żgur li tkun daqqa ta’ ħarta anke għas-suq ta’ turisti minn Malta. Bħalissa Ryanair ittir minn pajjiżna lejn Trapani erba’ darbiet fil-ġimgħa.

Il-ftehim li kellha l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Sqallija kien ma’ Airport Marketing Services Ltd. li hija immexxija minn Ryanair. Skont il-kuntratt, fi tliet snin kellu jsir ħlas ta’ aktar minn żewġ miljun ewro bil-għan li l-linja tal-ajru low-cost iġġib turisti lejn Sqallija. Iżda jirriżulta li mhux is-Sindki kollha ħarġu l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom.

Skont il-union Taljana CGIL, issa huwa kruċjali li l-kumpanija li tmexxi l-ajruport (Airgest) tibda l-ħidma tagħha biex tattira linji tal-ajru ġodda u kumpaniji li jibdew joperaw minn u lejn Trapani.