Raġel armat fetaħ in-nar ġo kumpless taċ-ċinema fl-Istat ta’ Louisiana fejn qatel tal-anqas żewġ persuni, b’oħrajn jispiċċaw midruba. L-aggressur imbagħad spara għalih innifsu bl-istess arma.
Il-pulizija ddeskriviet lir-raġel bħala ‘anzjan ta’ 58 sena’, iżda ma ħarġitx aktar dettalji.
In-nies li kienu fil-kumpless taċ-ċinema – bl-isem Grand Theatre – f’Lafayette, qalu li r-raġel beda jispara xi 20 minuta wara li kien beda jintwera l-film. ‘Il quddiem bdew deħlin ir-rapporti dwar nies li kienu qed jiddaħħlu l-isptar wara li ġarrbu varjetà ta’ feriti, u li wħud minn dawn kienu f’kundizzjoni kritika.
Hu kkalkulat li dak il-ħin kien hemm madwar 100 persuna fil-kumpless taċ-ċinema.
Mifhum li l-identità tal-aggressur responsabbli hi magħrufa mal-pulizija.
L-isparatura seħħet waqt li ġuri fl-Istati Uniti qed jikkunsidra jekk jagħtix il-piena tal-mewt lil James Holmes, aggressur ieħor li, f’Lulju tal-2012, wettaq sparatura ġo kumpless ta’ ċinema, qrib ta’ Denver, f’Colorado. Holmes, dakinar, kien qatel 12 il-persuna u darab 70 oħra waqt li kien qed jintwera l-film ‘Batman’.
//= $special ?>