Lokali

Sekwestrat uffiċċju ta’ kumpanija oħra f’Malta b’rabta mal-Mafja

Fl-aħħar jiem, l-uffiċċju tal-kumpanija Save International Ltd, ibbażat f’Birżebbuġa, kien sekwestrat wara li nstabu rabtiet bejn il-ħidma ta’ din il-kumpanija u l-grupp ewlieni tal-Mafja fl-Italja Ndrangheta. Dan żvelah fil-ħarġa tal-lum il-ġurnal In-Nazzjon, li kkwota Inkjesta mmexxija mill-Pulizija fl-Italja, fejn jirriżulta li Save Group, li hu bbażat f’Malta, daħal f’xibka malizzjuża b’rabta mal-Mafja.

Minbarra l-bażi f’Malta, Save Group jopera wkoll mill-Italja u minn numru ta’ pajjiżi oħrajn, minfejn il-Mafja setgħet tmexxi attivitajiet illegali bejn dawn il-pajjiżi. In-Nazzjon irrapporta li dan kollu nkixef fl-Inkjesta, li wasslet ukoll għall-arrest ta’ Alfonso Diletto (ritratt), li hu meqjus bħala affiljat mal-klan tal-Mafja Grande Arcari u li kien juża’ l-kumpaniji tiegħu biex imexxi l-kummerċ.

In-Nazzjon irrapporta wkoll li Save Group kien jaħdem għal numru ta’ entitajiet pubbliċi li kienu jwettqu xogħol differenti. Min-naħa tiegħu, Diletto kien wieħed mill-persuni li kien jikkordina x-xogħol għal dan il-grupp.

Iżda meta l-kumpanija bdiet tegħreq fi djun kbar, il-ħaddiema tagħha bdew jitkeċċew filwaqt li dawk imsieħba fil-kumpanija komplew jistagħnew b’operazzjonijiet illeċiti flimkien mal-klan tal-Mafja. Fil-fatt, fl-2011, Save Group irreġistra dħul ta’ €13.3 miljun iżda djun ta’ €13.5 miljun.

F’dan iż-żmien, Diletto xtara l-ishma fil-grupp u sar sieħeb fil-kumpanija. B’hekk, permezz tiegħu, l-Ndrangheta wkoll saret sieħba fil-kumpanija u setgħet tuża’ lil Save Group biex tkompli tmexxi l-ħidma tagħha f’numru ta’ pajjiżi b’mod aktar liberu.

Din l-istorja tkompli mal-każijiet irrappurtati fl-aħħar jiem, fosthom li l-ġurnal Taljan La Gazzetta del Mezzogiorno ddeskriva lil Malta bħala “bejta tal-kriminalità organizzata” u t-triq tan-nofs minn fejn dawk li jridu jwettqu xi illegalità jistgħu jgħaddu.

Aktar dettalji fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal In-Nazzjon.