Lokali

Tallinja card: Biex tieħu flusek lura issa trid tistenna

Min għal xi raġuni jkollu bżonn jieħu l-flus lura f’tallinja card, jew għax kien għadu bla card jew din ma taħdimx, issa jrid joqgħod jistenna proċess burokratiku twil u ġdid.

Qabel, wieħed kien imur fil-gabbana ta’ Malta Public Transport fit-terminus tal-Belt Valletta, jipproduċi l-biljetti, u wara li jkunu verifikati jingħata l-kreditu lura fil-card tiegħu dak il-ħin stess.

Imma mill-aħħar jiem bdiet sistema’ ġdida. Issa, jekk tmur fil-gabbana tal-Belt, tintalab ismek u kunjomok, in-numru tal-identita’, in-numru ta’ tallinja card u numru tat-telefon.

Dawn id-dettalji qed jinkitbu fuq barra ta’ envelope li fih jitpoġġew ukoll il-biljetti. Dawn imbagħad imorru l-uffiċini ta’ Malta Public Transport u l-flus jiddaħħlu fil-card jiem jew saħansitra ġimgħat wara.

Dawk li tkellmu magħna spjegaw kif b’din is-sistema’, wieħed ikun qed iċedi l-biljetti tiegħu mingħajr ma jingħata prova li ħalla dawn il-biljetti, u kemm kellu, u għalhekk bla ebda garanzija li jingħata flusu lura jew bir-riskju li dawn jintilfu.