Lokali

Tieqaf tal-linja: Paniku fit-traffiku u l-passiġġieri għall-frisk fil-bypass

Passiġġieri li kienu abbord ir-rotta 52 mill-Belt Valletta lejn Ħad-Dingli spiċċaw fil-bypass jieħdu ftit tan-nifs mis-sħana li kien hemm fuq ġewwa tal-linja.

Dan wara li din waqfet għall-ħabta tat-20:15 fit-telgħa li minn Triq Ħal Qormi (quddiem il-posta) tagħti għall-bypass tal-Marsa u l-Ħamrun.

Dan ħoloq paniku sħiħ fit-toroq tal-madwar, b’serbut karozzi quddiem il-posta, fid-direzzjoni tal-Belt, kif ukoll dawk li kienu se jitilgħu lejn il-bypass. Numru ta’ karozzi tal-linja spiċċaw imblukkati wkoll fl-sitess telgħa, u vetturi oħra li nqabdu bejn tal-linja.

F’xi ħinijiet kien hemm ukoll mumenti ta’ tensjoni b’sewwieqa jirrabjaw max-xufier li waqaf, u oħrajn ma’ dawk ta’ warajh għaliex ma ridux jirriskjaw u jirriversjaw lura.

Il-passiġġieri jispiċċaw fil-bypass

Il-passiġġieri kollha mill-karozzi tal-linja maqbuda spiċċaw niżlu mill-vetturi għall-frisk fil-bypass.

Kien hemm uħud li ddeċidew li jimxu tul il-bypass bl-għan li jaslu sal-Imrieħel, u dan b’periklu minħabba l-veloċita’ li jsuqu biha l-karozzi f’din il-bypas fejn m’hemmx lanqas bankina.

Oħrajn imxew lura għall-eqreb stejġ għall-Belt Valletta, madwar għaxar minuti mixi. Fost dawn grupp ta’ turisti żgħażagħ li kienu ħallsu biljett ta’ żewġ ewro, li issa kien skada.

Il-mekkaniks kienu x-Xemxija jsewwu karozza oħra

Immedjatament malli tal-linja waqfet, ix-xufier ċempel għall-assistenza imma ġie nfurmat li l-mekkanik, li jidher li kien l-uniku wieħed xogħol illejla, kien qed jipprova jsewwi karozza tal-linja oħra fix-Xemxija.

Dan wassal biex sa madwar siegħa wara kien għadu ma wasal l-ebda mekkanik jew uffiċjal ta’ Transport Malta, u lanqas karozza tal-linja oħra biex twassal lill-passiġġieri lejn id-destinazzjoni tagħhom.

Anke’ l-ewwel uffiċjal tal-Pulizija mis-sezzjoni tat-traffiku wasal għall-ewwel darba iktar minn siegħa wara. Kien hawn li beda jipprova jikkordina t-traffiku u jiggwida l-karozzi biex jirriversja lura fi Triq Ħal Qormi.