Żewġ Taljani, Massimo Perazza u Andrea D’Aloja, li kien ilhom imfittxija minn Diċembru li għadda, ġew arrestati mill-Interpol fi Puerto Plata, fr-Repubblika Domenikana u jinsabu akkużati li ttraffikaw iż-żejt mil-Libja għall-Italja. Dan billi għaddew ukoll minn Malta.
It-taljani ġew individwati flimkien ma’ sitt assoċjati oħra wara li ffrodaw lin-navy Taljana; suppost kellhom ifornu d-diesel lill-armata, imma dan qatt m’għamluh.
Malli seħħ dan il-każ skattat investigazzjoni sħiħa li minnha ħareġ kif dawn il-persuni kienu jittrasportaw illegalment id-diesel minn Malta permezz ta’ vapuri Libjani.
L-inkjesta wasslet biex fost l-arrestati kien hemm ukoll tliet militari tal-Marina tal-bażi navali ta’ Augusta, il-Kaptan Mario Leto kif ukoll Sebastiano Destefano u Salvatore Mazzone li allegatament kienu wkoll kompliċi f’din il-frodi.
Din l-istorja madankollu hi biss waħda minn sensiela fejn żejt mil-Libja nġieb Malta illegalment. Tant hu hekk li s-sena li għaddiet ministru tal-gvern Libjan kien ħabbar li dawn l-operazzjonijiet illegali qed jiswew lil-Libja mal-€4 biljuni.
Matul is-Sajf tal-2014 biss ġew interċettati 2,000 tunellata diesel mil-Libja dirett lejn Malta. Filfatt f’Ġunju 2013 ġew arrestati żewġ Maltin, Kevin McManus minn Marsaskala u Matthew Piscopo minn Marsaxlokk f’żewġ każi separati meta dawn ippruvaw ibaħħru mil-Libja lejn Malta b’eluf ta’ litri ta’ diesel akkwistat b’mod illegali.
Din l-istorja tkompli tikkonferma dak li rrapurtat fl-aħħar jiem ‘La Gazzetta del Mezzogiorno’ tal-Italja li ddeskriviet lil Malta bħala “bejta” tal-kriminalità organizzata u t-triq tan-nofs minn fejn dawk li jridu jwettqu xi illegalità jistgħu jgħaddu.