Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-proġett tal-Power Station il-ġdida tal-gass sofra ntopp ieħor. Gasol, l-imsieħeb ewlieni tal-konsorzju magħżul mill-Gvern biex jibni din il-Power Station, m’għadux jifforma parti mill-imsemmi konsorzju. Dan huwa l-aħħar minn sensiela ta’ żviluppi inkwetanti li jfixklu dan il-proġett. Il-Power Station il-ġdida kienet il-wegħda ewlenija tal-kampanja elettorali tal-Partit Laburista. Joseph Muscat rabat il-futur politiku tiegħu mat-twettiq ta’ dan il-proġett u li l-Power Station tinbena fiż żmien sentejn. Biex jissodisfa dan il-perjodu li qatt ma kien realistiku, l-Gvern għadda bħal romblu minn fuq il-proċess ta’ procurement u minn fuq il-proċess tal-applikazzjoni għall-iżvilupp.
Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista żied jgħid li l-proċess ta’ procurement kien ibbażat sempliċement fuq espressjoni ta’ interess, u ma kompliex, bħalma kien messu fi proġett ta’ din in-natura, bi proċess sħiħ ta’ tender. Il-proċess ta’ evalwazzjoni ma rreferiex għall-fatt li Gasol, il-partner ewlieni ta’ dan il-konsorzju, qed jiffaċċja problemi finanzjarji. Dawn il-problemi ġew enfasizzati mill-istess Awdituri tal-Gasol fil-kummenti tagħhom dwar l-accounts ta’ Gasol tal-2013. Meta kkummentaw dwar il-kontijiet ta’ Gasol, l-Awdituri qalu: “The group does not currently hold sufficient cash or liquid assets in order to meet its commitments as they fall due for the next 12 months.” Dan il-fatt kellu jinqabad minn dawk li evalwaw l-offerta tal-Electrogas. Il-Gvern għażel li jinjora din ir-realtà u baqa’ għaddej billi għażel l-Electrogas (Malta), minkejja dan in-nuqqas serju ħafna.
Fil-fażi tal-applikazzjoni għall-iżvilupp, kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista, għadd ta’ studji importanti, inkluż il-maritime impact assessment, ma sarux sabiex jitħaffef il-proċess. In-nuqqas ta ‘dawn l-istudji qajjem mistoqsijiet dwar l-aspett tas-sikurezza tal-proġett. Il-fatt li dan il-proġett, kif żvelat permezz ta’ dikjarazzjonijiet riċenti, jista’ jwassal għal attivitajiet ta’ bunkering fil-port, jagħmel il-fatt li ma sarx il-maritime impact assessment aktar serju.
Minkejja li ma sarux dawn l-istudji, il-proġett xorta waħda ma sarx u t-terminu ta’ sentejn li fih kellu jitlesta għadda, hekk kif dan il-proġett iffaċċja problemi ġodda fost l-oħrajn relatati mal-finanzjament tiegħu.
Il-PN saħaq li l-konsorzju Electrogas (Malta) kellu l-problemi biex jiffinanzja dan il-proġett. Sabiex isolvi dan l-intopp, il-Gvern ħareġ garanzija mill-istat lill-Bank of Valletta biex tkopri self ta’ €88,000,000 lil Electrogas (Malta). Din il-mossa hija bla preċedent u tesponi lil min iħallas it-taxxa għal riskji li l-Gvern qed jirrifjuta li jiġu kkwantifikati. Għal darb’oħra din il-mossa kienet neċessarja sabiex iżżomm ħaj dan il-proġett li hu politikament importanti għal Muscat. Ir-riskju politiku għall-Gvern kien mgħoddi lill-min iħallas it-taxxa fil-forma ta’ riskju kummerċjali.
Bħala l-bniedem li qed iġorr dan ir-riskju, kull min iħallas it-taxxa issa huwa aktar interessat li jkollu l-fatti kollha marbuta ma’ dan il-proġett, mhux l-inqas il-fatti fuq id-deċiżjoni li Gasol jitlaq mill-konsorzju. Il-kundizzjonijiet li jappartjenu għal dan is-self ma ġewx ippubblikati. Fil-fatt, il-Gvern irrifjuta li jippubblika id-dokumentazzjoni ta’ dan il-proġett. Il-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti issa hija aktar importanti wara t-tluq ta’ Gasol.
Ir-regoli ġenerali li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi tal-istat jgħidu : “All partners in the joint venture/consortium are bound to remain in the joint venture/consortium until the conclusion of the contracting procedure. The consortium/joint venture winning this contract must include the same partners for the whole performance period of the contract other than as may be permitted or required by law”. Il-perjodu ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt għadu ma skadiex. Għalhekk it-tluq ta’ wieħed mill-imsieħba ewlenin, ma kellux jiġi kkunsidrat bħala xi ħaġa normali u approvat, jekk mhux f’ċirkostanzi eċċezzjonali.
Għalhekk, il-Gvern għandu jispjega liema proċedura ġiet użata biex jippermetti lil Electrogas (Malta) li tiddisponi mill-imsieħeb ewlieni tagħha. Il-Gvern għandu jiddikjara wkoll min approva din il-bidla sinifikanti fil-formazzjoni tal-konsorzju. Id-Direttur Ġenerali (tal-Kuntratti) kien involut fil-proċess? Kien hemm parir legali u tekniku? Jekk iva, min ta dan il-parir? Il-Gvern għandu jippubblika dan il-parir. Il-Gvern irċieva sottomissjonijiet dettaljati mill-konsorzju li jispjegaw kif il-konsorzju se jkopri l-kompetenza, il-funzjonijiet u l-obbligi finanzjarji li kienu se jiġu pprovduti mill-Gasol? Dawn is-sottomissjonijiet ġew evalwati minn esperti maħtura mill-Gvern? Kemm damu għaddejjin in-negozjati bejn il-Gvern u l-konsorzju, dwar din il-bidla fil-formazzjoni tal-konsorzju?
Il-Gvern għandu wkoll jieħu din l-opportunità biex jinvestiga kif il-qagħda finanzjarja ħażina tal-Gasol għaddiet bla ma ħadd għamel referenza għaliha fl-istadju tal-offerti. Min kien responsabbli għal dan in-nuqqas għandu jinżamm responsabbli.
Minħabba li kull min iħallas it-taxxa issa qed jiggarantixxi s-self, il-Gvern u l-Bank of Valletta għandhom jispjegaw fid-dettall l-implikazzjonijiet ta’ din l-aħbar fuq il-garanzija mill-istat. Il-fatt li Gasol telaq mill-konsorzju se jħalli impatt fuq il-kundizzjonijiet tal-bridge loan? Il-Bank kien ikkonsultat qabel ma saret din il-bidla fil-formazzjoni tal-konsorzju?
L-istqarrija ttemm tgħid li d-dikjarazzjonijiet tal-Gvern dwar dan il-proġett sal-lum kienu nieqsa mid-dettall, u dejjem kienu bbażati fuq stqarrijiet jew tal-Electrogas jew motivati politikament. Fid-dawl tal-aħħar żviluppi, il-Gvern għandu jassigura lil kull min iħallas it-taxxa billi jipprovdi tweġibiet ċari u inekwivokabbli bbażati fuq id-dokumentazzjoni. Bl-ammissjoni tal-Gvern stess, dan il-proġett għandu l-potenzjal li jwassal għal ‘economic turmoil’. Minħabba r-riskji involuti, jeħtieġ li l-Gvern jissuġġetta ruħu għall-iskrutinju pubbliku minn kull min iħallas it-taxxa, l-istess nies li mingħajr ma riedu spiċċaw jagħtu l-garanzija għal dan il-proġett.
//= $special ?>