Fi stqarrija l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) kkwotat lil espert nqabbad mill-MEPA sabiex iħejji rapport dwar bini twil f’Malta meta dan kiteb li kemm bini kummerċjali kif ukoll residenzjali mhumiex ġustifikati mill-punt ekonomiku. L-FAA ikkwotat ukoll lil Kamra tal-Periti meta din saħqet li dak li jaħdem barra min Malta mhux bil-fors jaħdem f’Malta.
Sostniet li l-ewwel pass fl-ipproċessar ta’ l-applikazzjonijiet għal bini twil għandha tkun investigazzjoni dwar jekk l-infrastruttura ta’ l-inħawi tiflaħx aktar bini, residenti u traffiku. L-istqarrija kompliet li l-peniżola ta’ Tigne diġa ssofri problemi ta’ din ix-xorta filwaqt li l-qtugħ tad-dawl regolari fl-nħawi juri li n-network ta’ l-elettriku ma’ jiflaħx il-piż li għandu bħalissa aħseb u ara il-piż li jġibu magħhom żewġ binjiet twal.
Ikkwotat studju tal-Kunsill dwar Bini Twil bbażat f’Chicago li flimkien mal-Kumitat dwar Sostennibilita’ tal-UNESCO f’rapport saħqu li l-bini twil jaħli aktar enerġija u jċaħħad il-bini tal-madwar mix-xemx u mill-arja.
L-FAA qalet li tinstab estremament mħassba dwar il-proposta riċenti tal-MEPA dwar studji ambjentali fejn studju dwar l-impatt soċjali tneħħa fil-każ ta’ proġetti kbar. ‘Diġa rajna studji dwar l-impatt tat-traffiku b’mod sfaċċat favur l-iżvilupp; li nieqfu ngħatu każ l-istudji dwar l-impatt soċjali juri li r-residenti jinstabu injorati mill-gvern’ saħqet l-FAA.
L-FAA spjegat li l-iżvilupp Townsquare ser joqrod il-maġġoranza tal-ġonna ta’ Villa Drago. Appellat għal aktar kreattivita’ fit-tfassil ta’ politika li tħares fit-tul dwar l-iżvilupp f’Malta; politika li tħares sabiex itejjeb lokalitajiet oħra sabiex titnaqqas il-pressjoni minn fuq Tas-Sliema u San Ġiljan.
//= $special ?>

