Lokali

Marlene Farrugia titkellem dwar il-konsorzju ta’ mgerfxin

“Kif nistgħu bħala poplu nserrħu moħħna li dan il-konsorzju se jagħtina dak li aħna ħa nħallsu biex jagħtina issa u għal għoxrin sena oħra?”

Din kienet ir-reazzjoni tad-deputat Laburista Marlene Frarugia li fuq Facebook kitbet ir-reazzjoni tagħha għall-fatt li l-imsieħeb ewlieni tal-konsorzju magħżul mill-Gvern biex jibni din il-Power Station, m’għadux jifforma parti mill-konsorzju.

Marlene Farrugia rreferiet għall-konsorzju bħala l-konsorzju ta’ mgerfxin.

Kitbet wkoll li l-poplu hu marbut li jħallas u jiggarantixxi bi flusu minħabba l-garanzija bankarja li approva l-gvern lill-konsorzju. Iżda l-konsorzju x’rabta għandu?

Id-deputat Laburista kompli tikteb li hekk kif issa kkrollaw u forsi bħala pajjiż nistgħu noħorġu mill-proġett, tappella biex il-gvern jagħmel pass lura u jaħsibha sew. Dan filwaqt li appellat biex l-Awditur Ġenerali jara sew kif spiċċajna f’din is-sitwazzjoni. Dan meta suppost l-għażla tal-konsorzju kienet ibbażata fuq fatti li jiġġustifikaw l-għażla.