Illum saret xi ħaġa komuni li persuna tweġġa’ jew tkorri waqt sessjoni ta’ taħriġ fiżiku f’gymnasium. Fil-fatt, ir-Royal Society for the Prevention of Accidents, fir-Renju Unit, qalet li, kull sena, jinqalgħu mal-2,000 każ fejn in-nies iweġġgħu fuq it-treadmill, sewwa jekk ikunu qed jitħarrġu fil-gym, kif ukoll fid-dar.
Fl-Istati Uniti, il-Consumer Product Safety Commission tirreferi għat-treadmill bħala ‘l-aktar kaġun potenzjali ta’ inċident fil-gymnasium,’ u fejn jirriżultaw każi ta’ għadam miksur jew imfekkek; subgħajn maqtugħa u anki każi ta’ concussion. Kien hemm anki s-sitwazzjonijiet rari u traġiċi fejn persuni spiċċaw tilfu ħajjithom waqt dan it-tip ta’ taħriġ fiżiku.
Iżda wieħed jistaqsi: ‘għalfejn it-treadmill hu apparat daqshekk perikoluż għan-nies li jridu jżommu ‘fit’’? L-esperti jispjegaw li parti mill-problema tinvolvi l-‘belt’ tal-magna, li tkun miexja b’veloċità sostanzjali u li tirrikjedi l-attenzjoni kontinwa – ħafna aktar minn magni oħra għall-eżerċizzji bħall-istatic bike jew il-cross trainer.
Jiġri li xi nies li jitilgħu fuq it-treadmill tant ‘jintilfu’ fil-mużika li jkunu qed jisimgħu bil-headphones – u fejn ġieli jkunu (anki) qed jaraw it-televiżjoni huma u jiġru f’pożizzjoni statika — li jitilfu l-konċentrament, kultant b’riżultati katastrofiċi. Dan peress li l-‘belt’ tat-treadmill ikompli għaddej u f’sitwazzjoni fejn xi ħadd jitlef il-bilanċ, hu jew hi se jsibuha diffiċli biex jirkupraw fil-ħin.
It-treadmill hu apparat konvenjenti u mhux ikkumplikat għal min irid jagħmel l-eżerċizzju waqt li jibqa’ protetta mill-elementi ta’ barra ( sħana u xita eċċ). Iżda l-inċidenti, speċjalment fil-gymnasiums, huma spissi, fosthom il-każi fejn in-nies jitilgħu fuq magna tipika ‘u jispiċċaw mal-art’ għaliex xi ħadd, qabel, ikun ħalliha għaddejja b’ċerti veloċità, tant li l-‘belt’ għall-ġiri tista’ toħloq l-impressjoni li l-magna hi wieqfa.
Persuna li jmissha din ix-‘xorti’ tista’ tbati sfreġju fil-wiċċ u fir-ras, flimkien ma’ hekk-imsejħa ‘friction burns’ f’kull parti ta’ ġisimha.
Periklu klassiku ieħor tat-treadmill hu meta n-nies li jużawh jagħmlu t-taħriġ magħruf bħala interval training, fejn jalternaw bejn il-mixi mgħaġġel u l-ġiri intensiv –b’dan jiftaħ beraħ il-potenzjal għal xi waqgħa kerha.
//= $special ?>