Ambjent Lokali

Tħassib qawwi dwar proposta ta’ bini ta’ torri ta’ 38 sular f’Tas-Sliema

Residenti ta’ Tigne f’Tas-Sliema jipprotestaw kontra proposta għall-bini ta’ torri ieħor ta’ 38 sular f’Tas-Sliema, torri li se joħnoq iż-żona ta’ Tigne u se jkollu konsegwenzi negtatiiv fuq ir-residenti.

Flimkien mar-residenti, uffiċjali tal-Alernattiva Demokratika li spjegaw kif quddiem din is-sitwazzjoni, il-MEPA tinsab bla saħħa biex tiddefendi l-ambjent u lir-residenti.

L-uffiċjali tal-Alternattiva Demokratika spjegaw li dan it-torri jrid jitpoġġa fil-kuntest ta’ torri ieħor ta’ 40 sular li hu ppjanat li jinbena ftit bogħod minnu.

It-torri ta’ 38 sular se jkun jifforma parti minn Town Square iżda kif spjegaw l-uffiċjali tal-Alternattiva, oriġinarjament fl-2003, il-proġett ta’ Town Square kien proġett pożittiv fuq skala żgħira li kien se jsaħħaħ il-kunċett komunitarju taż-żona.

Wara l-aħħar elezzjoni, sostna Michael Brigulio, il-proġett inbidel u sar wieħed mostruż b’torri ta’ 38 sular li qabel qatt ma kien ippjanat.

Dan it-torri se jkollu impatt diżastruż fuq t-traffiku għaliex se jiġġenera 4,000 karrozza fiż-żona iżda se joffri biss 800 spazju għall-parkeġġ. Impatt negattiv ieħor hu li jdallam iż-żona totalment, inkluż ħdejn il-baħar ta’ Qui-si-Sana.

Michael Brigulio u Arnold Cassola qalu li qabel l-elezzjoni l-poplu sema wegħda ta’ gvern li se jisma iżda fil-fatt m’hu qed isir l-ebda konsultazzjoni tant li r-residenti u l-kunsilliera lokali qed isiru jafu bil-proġetti mill-gazzetti.

Il-Perit Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson tal-Alternattiva, sostna li qabel isir dan it-tip ta’ bini, il-gvern għandu jfassal politika dwar it-72,000 post vojt li hawn.

L-uffiċjali tal-Alternattiva kkritikaw il-mod kif qed topera il-MEPA u s-saħħa li se titlef bil-qasma u r-riforma li se ssir fiha. Michael Brigulio sostna li l-MEPA qed issir iktar dgħajfa quddiem l-iżviluppaturi.

Minn wegħda ta’ Malta Tagħna Lkoll, issa qed naraw li Malta saret Tagħhom biss, sostnew l-uffiċjali tal-Alternattiva bl-approvazzjoni tar-residenti.