Internazzjonali

Assad jammetti l-problemi fil-gwerra tas-Sirja

Il-President tas-Sirja, Bashar al-Assad, ammetta li l-Armata Sirjana kellha ċċedi l-kontroll fuq xi bnadi tal-pajjiż biex tkun tista’ tikkonsolida postha f’zoni oħra waqt il-gwerra kontra r-ribelli li daħlet fil-ħames sena.

Intant, Assad, li kien qed jindirizza lid-distinti f’Damasku, qal ukoll li l-Armata tiegħu qed tiffaċċja nuqqas ta’ suldati.

Il-President Sirjan, fi tmiem il-ġimgħa, iddikjara amnestija għas-suldati li ħarbu lis-servizzi militari u għal kulmin qed jipprova jevita li jinqabad bil-lieva.

Il-konflitt fis-Sirja jidher li ħalla ‘l fuq minn 230,000 mejtin u miljuni ta’ refuġjati, b’ħafna artijiet tal-pajjiż, illum, m’għadhomx taħt il-kontroll tal-Gvern.

Bashar al-Assad spjega li l-Armata tiegħu m’għandhiex biżżejjed elementi biex tiddefendi l-pajjiż kollu u ladarba l-gruppi tar-ribelli qed jirċievu dejjem aktar appoġġ minn barra. Dan il-kliem qed jitqies bħala referenza għall-Arabja Sawdija, it-Turkija u l-Qatar.

Il-President Sirjan enfasizza li l-Gvern għandu jiddefenixxi r-reġjuni importanti li jridu jikkontrollaw il-qawwiet tiegħu biex ma jippermettix li jikkrolla l-kontroll f’zoni oħra.

Madankollu, Bashar al-Assad hu konvint li l-Armata tiegħu tista’ tiddefendi z-zoni fil-qalba tas-Sirja fejn qed tikkonsolida l-kontroll u li jinkludu l-kapitali Damasku u l-bliet ta’ Homs u Hama.