Lokali

Cardona ma jiċaħdx imma jgħajjar lil Beppe Fenech Adami

Il-Ministru Chris Cardona akkumpanjat mill-Prim Ministru Joseph Muscat

Attakk sħiħ mill-Ministru Chris Cardona fuq il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami. F’intervista ppubblikata fil-gazzetta Illum, Chris Cardona għajjar lill-Beppe Fenech Adami bħala raġel tat-triq li jmexxi l-qlajjiet.

Fl-istess waqt iżda, ma caħadx li bħalissa qed jgħix f’appartament f’Portomaso mikri lilu minn Silvan Fenech u li jiffrekwenta bar partikolari fil-Belt Valletta. Chris Cardona baqa’ jinsisti li hu qatt ma ra attivita’ kriminali f’dan il-bar.

Il-Ministru baqa’ jinsisti wkoll li l-kuntratt li għandu għall-kiri tal-appartament f’Portomaso huwa bi ħlas u mhux veru li qiegħed fl-appartament b’xejn.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, il-ġurnal in-Nazzjon kien żvela li dak li qed jgħid il-Ministru Cardona dwar l-appartament ta’ Silvan Fenech mhux veritier. Dan għaliex ħafna jafu li l-appartament ta’ Fenech hu ta’ żewġt ikmamar tas-sodda u mhux kamra waħda kif qed jgħid Chris Cardona, u l-kera ta’ dawk l-appartamenti tiswa’ ferm iktar mill-€1,400 fix-xahar ikkwotati minn Cardona.

Anki l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil tkellem dwar dan il-każ il-Ħadd filgħodu fuq Radio 101. Hu qal li d-dikjarazzjonijiet ta’ Chris Cardona jfakkruh fid-dikjarazzjonijiet li kien jagħmel l-eks President Amerikan Bill Clinton dwar il-każ Monica Lewinsky fejn baqa’ jinsista’ li qatt ma kellu x’jaqsam magħha.