Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Deċiżjoni mill-MEPA għal nhar il-Ħamis li ġej

…jew li jitħares il-belveder tan-Nadur inkella jinqered darba għal dejjem biex igawdi kanvasser tal-Ministru Anton Refalo

Id-destin tas-sbuħija tal-belveder fi Triq Cocco Palmieri fin-Nadur hu ffissat għal nhar il-Ħamis li ġej, 30 ta’ Lulju, meta l-Awtorità Maltija għall-Iżvilupp u l-Ambjent (MEPA) se tiltaqa’ biex tiddeċiedi jekk tipproteġix post pubbliku u belveder fin-Nadur, ħalli jkompli jitgawda minn kulħadd u jibqa’ jipprovdi post ta’ rikreazzjoni, inkella tagħtix permess biex jinqered darba għal dejjem u hekk tkun qed toħloq preċedent biex jittellgħu ħitan oħra f’belveders oħrajn eżistenti.

Il-gazzetta il-mument irrappurtat li matul din il-ġimgħa aktar nies min-Nadur tkellmu magħha li wrew it-tħassib tagħhom li l-MEPA ma jkollhiex sens komun biżżejjed biex tieħu deċiżjoni għaqlija fl-aħjar interessi mhux biss tan-Nadur u tan-Nadurin, iżda ta’ Għawdex u ta’ kulħadd – dak li jitħares dan il-belveder.

Dawk li tkellmu mal-gazzetta il-mument urew fiduċja fis-sens komun tal-uffiċjali tal-MEPA li se jiddeċiedu fuq din l-applikazzjoni u qalu li huma ma jistgħu qatt jifhmu kif il-MEPA tista’ tapprova żvilupp li bih se jitgħarraq l-ambjent għaliex dan il-belveder jitħalla li jsir żvilupp fih.

In-Nadurin komplew li hu persuna waħda biss li trid li jsir dan l-iżvilupp u dan il-persuna, għaliex hu qrib ħafna tal-Ministru Anton Refalo, qed jissokta jagħmel pressjoni biex isir dan l-isfreġju ambjentali.

Nhar il-Ħadd li għadda, il-gazzetta il-mument rrapportat li diġà hemm applikazzjoni oħra ta’ dan it-tip proprju għax quddiem il-MEPA hemm il-każ ta’ dan il-belveder fin-Nadur li oriġinarjament kien għamel il-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Kunsill Lokali tan-Nadur.

Ħafna huma tal-fehma li din l-applikazzjoni se toħloq preċedent perikoluż ħafna. Kull min għandu biċċa proprjetà li fuq ir-riħ tagħha hemm belveder, jista’ japplika biex itella’ ħajt bl-iskuża li ħadd ma jħares fuq il-proprjetà tiegħu.

Barra minn hekk, din l-applikazzjoni tmur kontra policies tal-MEPA u qed tiġi meqjusa sempliċiment għax il-Qorti ddeċidiet li jista’ jittella’ dan il-ħajt. Il-Qorti fl-ebda ħin ma kkunsidrat il-qerda tal-belveder, u l-istess se tkun qiegħda tagħmel il-MEPA jekk tapprovaha. Il-kawża kienet bejn l-applikant u d-Dipartiment tal-Artijiet u dan tal-aħħar kien kontumaċi u ma deherx, u allura l-Qorti qatgħetha favur l-applikant. Il-Kunsill Lokali qatt ma kien ikkonsultat jew parti minn dan kollu.”

Din l-art hi parti minn green area fuq ridge u dan indikat fuq il-pjan lokali. Dan il-ħajt proprost ta’ 1.4 metru se jtellef ħafna l-impatt viżwali ta’ din l-area. Il-ħajt propost imur kontra l-policy tal-MEPA – 2.9 of Rural Policy and Design Guidance – għax hu ogħla minn 1.2 metru u se jkun tal-franka. Barra minn hekk dan il-ħajt se jkun jidher minn distanza sew peress li qiegħed fuq ridge.

Dan il belveder hu post pubbliku, aċċessibbli għal kulħadd, u jitgawda minn kulħadd. B’dak li qed jiġi propost li jingħalaq b’ħajt se jwassal biex waħda mill-isbaħ veduti tal-fliegu tiġi ostakolata darba għal dejjem.