F’sentejn biss, il-Gvern ta’ Joseph Muscat sar wieħed mill-iktar korrotti. Meta wieħed kien isemmi korruzzjoni, wieħed kien jiftakar fil-Gvernijiet ta’ Mintoff u Lorry Sant. Dan il-Gvern, f’sentejn biss, laħaq dawk il-livelli.
Sostna dan il-Kap tal-Opposizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dalgħodu waqt kollegament telefoniku fuq Radio 101 meta kien qed jikkummenta dwar id-diversi skandli li ħakmu l-pajjiż f’dawn l-aħħar ġimgħat.
Dwar l-aħħar aħbarijiet li qed joħorġu dwar il-power station il-ġdida, Simon Busuttil qal li l-wegħda prinċipali li biha l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni saret farsa. Hu qal li meta kumpanija titneħħa jew tirtira minn konsorzju, it-tender għandu jaqa’ u l-Gvern għandu jara mill-ġdid jekk il-konsorzju għadux f’pożizzjoni li jwettaq il-proġett.
Simon Busuttil staqsa fejn kienu l-verifiki li suppost kellhom jagħmel il-Gvern dwar il-qagħda finanzjarja ta’ min jitfa’ tender. Hu qabel ma’ dak li qalet id-Deputat Laburista Marlene Farrugia u appella lill-Gvern biex jieqaf u jaħseb sabiex il-proġett isir kif suppost.
Il-Kap tal-Opposizzjoni sostna kif Michael Falzon ghadu ma rrizenjax minn Segretarju Parlamentari fid-dawl tad-diversi skandli li jinvolvuh direttament, ewlieni fosthom l-iskandlu Gaffarena u s-somma ta’ iktar minn €250,000 li ħa mill-Bank of Valletta bħala suppost pakkett ta’ irtirar iżda li ngħata l-possibilta’ li jirritorna għax-xogħol. Issa feġġ skandlu ieħor dwar l-involviment tiegħu fiċ-ċens tal-Gvern ta’ House of Four Winds lill-Bank of Valletta fl-istess żmien li personalment kien qed jinnegozja l-pakkett finanzjarju tiegħu mal-istess bank. Dan hu mill-inqas każ ta’ kunflitt ta’ interess.
Simon Busuttil qal li l-gazzetti indipendenti tal-Ħadd tant huma mimlijin bi stejjer dwar skandli tal-Gvern li l-Opposizzjoni kważi lanqas għandha għalfejn titkellem illum. Fosthom iktar stejjer dwar Michael Falzon, il-Bank of Valletta u l-iskandlu Gaffarena-Zammit.
Il-Kap tal-Opposizzjoni qal li l-poplu għandu jifhem li l-korruzzjoni iħallas għaliha hu. “Il-korruzzjoni hija taxxa”, kompla Simon Busuttil, u li l-flus li jintilfu f’din it-taxxa ta’ korruzzjoni setgħu jintefqu fuq oqsma oħra ta’ fejda. Hu semma €18-il miljun li ntefqu jew intilfu mill-Gvern fuq Australia Hall, Gaffarena u Cafe Premier u dawn kien flus li bihom seta’ żied il-pensjoni għal kulħadd u mhux biss dawk li għandhom 76 sena u iktar.
//= $special ?>