Lokali

“Ħadt xokk kbir meta rajt lit-tlett itfal maħmuġin u mwerwrin skortati mill-pulizija”

Ruth Schembri, l-omm ta’ tnejn mit-tlett itfal li fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, 10 u 11 ta’ Lulju li għadda ħarbu mir-residenza-villeġġjatura li s-Sorijiet ta’ Fra Diegu għandhom fix-Xemxija wara li l-carers li kienu magħhom naqsu milli ma jħalluhomx joħorġu mir-residenza, f’dawn il-jiem tkellmet mal-gazzetta il-mument u wriet l-uġigħ kbir tagħha bħala omm li uliedha qed jinżammu mhux biss ‘il bogħod ħafna minnha, imma saħansitra minn kemm ilhom jieħdu ħsieb lit-tfal il-carers, il-kwalità tal-attenzjoni li qed jingħataw it-tfal marret lura ħafna.

Mal-ġurnal il-mument, hi qalet għandha stima kbira lejn dak li kienu jagħmlu s-Sorijiet ta’ Fra Diegu li meta direttament kienu responsabbli huma mit-trobbija tat-tfal, is-servizz u l-attenzjoni li kienu jingħataw it-tfal kienu mill-aqwa u kollox kien ibbażat fuq l-imħabba. It-tfal kienu jinżammu f’ferm aktar għożża u kienu jingħataw l-attenzjoni li kienu jirrikjedu, sal-punt li anki meta kien ikollhom bżonn jaraw xi tabib minħabba li jew ikunu ma jifilħux jew inkella jweġġgħu, is-sorijiet mill-ewwel kienu jassiguraw li lit-tfal tingħatalhom il-kura kollha li jkollhom bżonn.

Meta minn ftit tax-xhur ‘l hawn is-servizz għadda f’idejn il-carers wara arranġamenti li saru bejn il-Gvern attwali, l-aġenzija Appoġġ u l-Kurja, jidher li bdiet tinħass differenza f’dik li hi attenzjoni personalizzata u l-għajnuna li jkollhom bżonn.

Ħarba mhux iżolata

Ruth Schembri, bosta drabi b’għajnejha jleqqu bid-dmugħ u b’għoqqla fi griżmejha, kompliet tispjega li l-ħarba tat-tlett itfal fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, 10 u 11 ta’ Lulju li għadda – liema inċident kien żvelat fil-ħarġa ta’ nhar il-Ħadd li għadda – ma kienx iżolat.

Hi rrakkontat kif dakinhar li f’Malta kien organizzat l-Isle of MTV fuq il-Fosos tal-Furjana, kien hemm tifel ieħor li rnexxielu jaħrab mir-residenza-villeġġjatura fix-Xemxija u nqabad mill-carers aktar tard fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Veċċa.
Dwar dik il-ħarba partikulari, li inċidentalment seħħet ukoll f’ħin ta’ filgħaxija, Ruth Schembri kienet infurmata b’dak li kien ġara minn binha stess meta aktar tard matul dik il-ġimgħa stess hi marret tagħmel iż-żjara regolari ta’ siegħa lit-tlett uliedha!

Aktar fil-ħarġa tal-lum ta’ il-mument.