… u spiċċa biex daħal garanti għal self ta’ €88 miljun mill-Bank of Valletta wara li l-konsorju Electrogas ma ġġenerax flus u ma sabx banek oħra li jsellfuh
Il-Gvern Laburista kien jaf ferm minn qabel li l-kumpanija Gasol kienet se tirtira u tabbanduna l-proġett tal-power station tal-gass ta’ Delimara, u għaldaqstant din is-sitwazzjoni waslitu biex fil-ġimgħat li għaddew daħal garanti għal self ta’ €88 miljun mill-Bank of Valletta lill-konsorzju Electrogas.
Il-ġurnal il-mument illum irrapporta li madankollu l-Gvern għal dawn l-aħħar ġimgħat baqa’ sieket u dejjem irrifjuta, minkejja l-appelli tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li jippubblika l-garanzija bankarja marbuta mal-kuntratt ta’ dan is-self li jlaħħaq miljuni kbar ta’ ewro. Fl-isfond tal-aħħar żviluppi marbuta mal-finanzjament tal-power station tal-gass f’Delimara, tinftiehem aktar id-dikjarazzjoni riċenti min-naħa tal-Gvern li jekk tiġi pubblikata l-garanzija bankarja li għamel biex tkun tista’ tinbena din il-power station, ikun hemm impatt negattiv fuq l-ekonomija tal-pajjiż.
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument irrimarkaw li dan is-self mill-Bank of Valletta, li daħal garanti għalih il-Gvern Laburista wasal wara li ebda bank finanzjarju ma ried isellef dawn il-miljuni ta’ ewro meta f’okkażjonijiet bħal dawn, il-banek jissieltu ma’ xulxin biex jagħtu self għal proġetti bħal dawn.
Bl-abbandun uffiċjali tal-kumpanija Gasol mill-proġett tal-power station tal-gass tasal il-konferma għall-aħbar żvelata mill-gazzetta il-mument disa’ xhur ilu. Il-gazzetta kienet żvelat kif ir-riżultati finanzjarji tal-Gasol kienu qed juru li l-kumpanija mhix f’pożizzjoni finanzjarja li tidħol għal proġetti ġodda, inkluż dak tal-power station f’Delimara li suppost hi ppjanata li tinbena b’nefqa ta’ €370 miljun.
Konsorzju b’difetti fl-istruttura tiegħu
Sorsi qrib is-setturi tal-enerġija u dak finanzjarju li tkellmu ma’ il-mument qalu li kollox jindika li l-konsorzju Electrogas beda u għandu difetti kbar fl-istruttura tiegħu minħabba li fl-aktar ħaġa bażika fi proġett kbir bħal dan, la kien hemm finanzjament u wisq aktar il-konsorzju ma rnexxielux jiġġenera jew jattira l-finanzjament li kien wiegħed li se jikseb biex iwettaq dan il-proġett li suppost ilu li beda jitħaddem minn Marzu li għadda. “Dan joħroġ ċar mill-fatt li l-Gvern, bħala l-akbar azzjonist tal-Bank of Valletta kellu jagħmel garanzija għas-self ta’ €88 miljun,” fissru s-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta.
Osservaturi fis-settur finanzjarju li tkellmu wkoll ma’ din il-gazzetta wara li ħarġet l-aħbar li l-kumpanija Gasol abbandunat il-proġett tal-power station tal-gass, irrimarkaw li s-self ta’ €88 miljun mill-Bank of Valletta seħħ kontra kull prattika stabilità li kull kumpanija li se tkun involuta jew li se tagħmel investiment irid ikollha sinsla finanzjarja, u għaldaqstant dan iqanqal diversi mistoqsijiet fosthom għaliex intagħżel il-konsorzju Electrogas u mhux konsorzju ieħor.
Il-Gasol f’xifer ta’ falliment totali
Minn stħarriġ li għamel il-mument jirriżulta li skont is-sit elettroniku macroaxis.com, il-kumpanija Gasol hija meqjusa fiċ-ċrieki internazzjonali li tinsab f’xifer ta’ falliment finanzjarju. Dan is-sit isemmi li l-kumpanija Gasol għandha aktar minn 96 fil-mija probabiltà li tesperjenza inkwiet finanzjarju qawwi u li tfalli fis-sentejn li ġejjien.
Kumpaniji bi probabiltà ta’ falliment finanzjarju li jimmarka ‘l fuq minn 90 fil-mija huma meqjusa li jinsab f’livell ta’ riskju għoli ħafna li fis-sentejn li ġejjin ikunu falluti għal kollox.
Barra minhekk il-kumpanija Gasol kienet delisted mill-Borża ta’ Londra jiġifieri li l-Gasol ma kellha ebda kredenzjali biex ikunu jistgħu jinxtraw jew jinbiegħu l-istocks jew l-ishma tal-imsemmija kumpanija.
//= $special ?>