Mhux veru li kien hemm tabib preżenti għall-iffirmar tal-kuntratt bejn is-Segretarju Parlamentari Ian Borg u Anthony Scicluna li bih Ian Borg xtara art fil-Wied ta’ Santa Katerina għal €10,000.
Sostna dan in-nutar Anton Borg meta kien ikkuntattjat mill-gazzetta The Malta Independent dwar dan il-każ, li qed jiġi kkontestat mill-familja tal-anzjan minħabba li għandu problemi ta’ saħħa mentali. Dan wara li kien ġie żvelat il-każ li fih Ian Borg xtara art għas-somma miżera ta’ €10,000 mingħand anzjan b’kundizzjoni ta’ mard mentali – xi ħaġa li skont il-familjari tal-anzjan, Ian Borg kien jaf dwarha.
Iżda din id-dikjarazzjoni, li mhux veru li kien hemm tabib preżenti għall-iffirmar tal-kuntratt bejnu u bejn l-anzjan, tgiddeb għal kollox dak li kien rappurtat li qal Ian Borg li sostna li kien hemm tabib li eżamina lil Anthony Scicluna qabel ma kien iffirmat il-kuntratt.
Fil-fatt, il-familjari ta’ Scicluna għadhom sal-ġurnata tal-lum ma jafux min hu dan it-tabib li suppost invista lil missierhom. Lanqas ma hemm ċertifikat mediku anness mal-kuntratt li kien iffirmat.
Filwaqt li l-konsulent psikjatriku tal-anzjan isostni li Anthony Scicluna hu fi stat vulnerabbli u li mhux kapaċi jieħu deċiżjonijiet, min-naħa l-oħra, Ian Borg qed jinsisti li l-anzjan kellu l-kapaċita’ mentali li titlob il-liġi biex jidħol f’kuntratt.
Ftit ilu, f’kummenti ma’ MaltaRightNow.com, Ian Borg kien qal li kellu “rispett” lejn dan l-anzjan.
//= $special ?>