Meta nhar it-Tnejn li għadda fil-Parlament is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra dokument tal-Bank of Valletta b’lista ta’ ismijiet ta’ persuni li ħadu mill-Bank of Valletta l-benefiċċju mill-iskema tal-irtirar kmieni, kien qiegħed ipoġġi dokument privat tal-Bank li l-pubbliku b’mod inġenerali m’għandux aċċess għalih.
Il-ġurnal il-mument illum żvela li d-dokument partikolari ttieħed minn sistema interna ta’ internet tal-Bank magħrufa bħala ‘GENIE’. F’dan is-sit jitpoġġa materjal għall-attenzjoni tal-ħaddiema tal-Bank of Valletta biss u n-nies barra, jiġifieri anqas il-klijenti tal-Bank, ma għandhomx aċċess għal din l-informazzjoni.
Jirriżulta wkoll li kien jew Michael Falzon direttament li aċċessa għal din is-sistema interna inkella ngħata aċċess għal dan is-sistema interna mingħand xi ħaddieħor tal-Bank.
Dak li poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn li għadda biex mingħalih jiġġustifika l-pakkett vantaġġjuż ta’ €260,000 kien biss dokument intern tal-Bank u allura Michael Falzon ma kienx qed jgħid il-verità meta qal li dak kien dokument li l-pubbliku b’mod inġenerali kellu kull aċċess għalih.
Fil-ħarġa tal-lum, il-ġurnal il-mument żvela li f’dik it-taqsima partikolari f’din is-sistema interna ta’ internet filwaqt li wieħed isib informazzjoni dwar ħaddiema li rtiraw mill-Bank u jkun jista’ jara wkoll ritratti ta’ dawn il-ħaddiema flimkien mal-Kap Eżekuttiv, ma teżisti l-ebda informazzjoni dwar l-iskema ta’ irtirar kmieni li ngħata Michael Falzon u ma jeżisti l-ebda ritratt ta’ Michael Falzon flimkien mal-Kap Eżekuttiv kif jirriżulta flimkien ma’ kollegi preċedenti oħra!
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li din fiha nnifsiha fiha ħafna x’tifhem… sal-punt li jfisser li Michael Falzon ipprova saħansitra jaħbi dak li għamel lill-kollegi tiegħu.
“Mela tajjeb,” qal sors li tkellem ma’ il-mument, “Michael Falzon ma jiddejjaq xejn jikkwota minn dan is-sit esklussiv għall-ħaddiema tal-Bank of Valletta, iżda mbagħad ma jgħidx il-verità u ma jsemmix li ma’ din il-lista ħadd ma jsib l-ebda riferenza għalih! U għaliex Michael Falzon għandu, jew kellu, l-interess li jaħbi dan kollu saħansitra lilna l-kollegi tiegħu?”
Lil hinn minn dan kollu meta din il-ġimgħa il-mument tkellem għal darba oħra ma’ azzjonisti tal-Bank of Valletta dawn komplew juru r-rabja tagħhom lejn il-Bank li mhux biss qed jissokta jibqa’ sieket quddiem sitwazzjoni li fiha ma jistax jibqa’ indifferenti, iżda issa jibqa’ passiv ukoll quddiem sitwazzjoni fejn sfaċċatament qed ikunu żvelati dokumenti interni tal-Bank.
//= $special ?>