Lokali

Ritratti: Okkupazzjoni illegali f’dik li kienet il-lukanda Jerma Palace

… hekk kif saret ġerħa għall-ambjent b’telqa, abbandun, ħmieġ u ġrieden

Minn ritratti li ttieħdu dan l-aħħar tas-sit fejn kien hemm il-lukanda Jerma Palace f’Marsaskala hemm indikazzjoni ċara li xi nies qegħdin jokkupaw illegalment partijiet minn dan is-sit. Dawn in-nies ikkapparaw kmamar li jagħmlu parti minn dan il-kumpless ta’ bini abbandunat, tant li meta ttieħdu dawn ir-ritratti fl-aħħar jiem irriżulta li anki kien hemm ħwejjeġ minxurin.

Il-ġurnal il-mument illum irrapporta li f’din iz-zona li hi tal-privat hemm telqa totali, bl-aċċess għaliha hu għal kulħadd u wieħed jista’ jidħol b’mod mill-aktar faċli. Meta żorna l-istess sit u dħalna f’ċerti partijiet minn dan il-bini stajna nikkonfermaw li dan is-sit illum sar post ideali għal bosta biex jarmu fiha kull tip ta’ skart. Osservajna mhux biss rimi ta’ skart marbut direttament mal-industrija tal-kostruzzjoni, iżda anki boroż suwed bi skart domestiku.

Persuni li tkellmu mal-ġurnal il-mument fissru li filgħaxijiet l-istess sit ikun miżgħud ukoll bil-ġrieden u għalhekk il-periklu jiżdied kemm għar-residenti tal-inħawi kif ukoll għal min ikun għaddej mill-inħawi. Din il-binja tinsab f’rovina kbira u fejn f’partijiet minnha jinxtammu rwejjaħ seba’ pesti.

Sa’ Marzu tal-2007 il-Lukanda Jerma Palace kienet l-unika lukanda b’erba’ stilel fin-Nofsinhar ta’ Malta.

Bla dubju ta’ xejn li l-awtoritajiet konċernati, fosthom l-istess sidien ta’ din il-binja, għandhom jieħdu l-briga u mhux biss jagħlqu kull aċċess f’din il-binja biex hekk jevitaw kull periklu possibbli, iżda jassiguraw ukoll li din il-binja abbandunata ma tibqax punt ta’ riferiment għal bosta irresponsabbli li jkunu jridu jiddisponu mill-iskart li jkollhom u saħansitra oħrajn li jidħlu f’dan is-sit u jikkapparaw ukoll xi kamra b’mod temporanju kontra l-liġi.

jerma palace  jerma palacejerma palace