L-eks-Ministru Ewlieni tal-Iskozja, Alex Salmond, qal li hu ‘inevitabbli’ li l-Iskozja tgħaddi minn tieni referendum dwar l-indipendenza mill-kumplament tar-Renju Unit.
Meta tkellem waqt programm tal-BBC, Salmond tenna li l-kwistjoni hi biss ‘waħda taż-żmien’ li tinsab ‘f’idejn Nicola Sturgeon’; il-Ministru Ewlieni attwali tal-Iskozja.
Salmond, illum deputat mas-Scottish National Party (SNP), qal li diversi affarijiet qed jixprunaw il-kwistjoni u, fosthom, irrefera għar-riżultat potenzjali tar-referendum li se jagħmel ir-Renju Unit dwar il-futur tiegħu fl-Unjoni Ewropea u ‘l-fehmiet diversi’ rigward il-qtugħ għall-awsterità.
Fir-referendum ta’ Settembru li għadda, 55 fil-mija tal-votanti Skoċċiżi ċaħdu li l-Iskozja tinqata’ mir-Renju Unit, b’45 fil-mija jivvutaw favur l-indipendenza.
Intant, wara li s-SNP kien rebaħ 56 mid-59 siġġu fl-Iskozja waqt l-elezzjonijiet ġenerali ta’ Mejju, Nicola Sturgeon, bħala l-Kap ta’ dan il-partit, enfasizzat li ‘ma kien hemm l-ebda ħjiel ta’ tieni referendum għal Skozja indipendenti fil-futur immedjat’.
//= $special ?>