Skont ma’ ntqal minn uffiċjal ta’ Transport Malta f’laqgħa ma’ numru ta’ sidien tal-vannijiet tat-trasport, il-kumpanija Spanjola li topera t-trasport pubbliku f’Malta, Autobuses de Leon, qed tilmenta ma’ Transport Malta dwar vannijiet ta’ sidien Maltin li qed jgħabbu passiġġieri mit-toroq mingħajr ma jkunu bbukkjaw il-vjaġġ minn qabel.
Dan wassal biex Transport Malta tlaqqa’ numru ta’ sidien tal-vannijiet u theddihom li jistgħu jittieħdu passi qawwija u drastiċi kontra xufiera li jrikkbu persuni li ma jkunux bbukkjaw minn qabel. Sidien ta’ vannijiet u xufiera ta’ mini-buses qed jiffaċċjaw theddida li tista’ twassal biex ikollhom il-liċenzja tagħhom sospiża u l-vettura konfiskata.
Is-sitwazzjoni tikkonċerna theddida li Transport Malta qed tagħmel lil numru ta’ sidien ta’ mini-buses li jipprovdu servizzi fit-toroq Maltin. Dawn il-persuni jipprovdu servizz ibbukkjat lill-pubbliku fil-ħinijiet kollha. Iżda fl-aħħar gimgħat Transport Malta bgħatet għal numru ta’ sidien u xufiera u heddithom li jekk jinqabdu jgħabbu persuni bla bbukkjar minn qablel, il-mini-van ikun konfiskat għal tliet xhur.
Xufiera qalu s-sitwazzjoni qed tinħoloq l-iktar f’Paceville u postijiet oħra fejn ikun hemm numru kbir ta’ nies.
Jirriżulta li minħabba diversi sitwazzjonijiet, fosthom dewmien esaġerat minn karrozzi tal-linja, huma ħafna l-passiġġieri li jispiċċaw iċemplu xufiera privati tal-vannijiet biex jipprovdulhom is-servizzi. Il-liġi tispeċifika ċar li l-vannijiet privati ma jistgħu jgħabbu passiġġieri minn fuq il-bus-stops.
Ix-xufiera qed isostnu li mhux minnu li l-vanijiet qed jieħdu x-xogħol tal-Auto Busues de Leon għaliex huma l-aktar li joperaw huwa wara l-11 pm meta s-servizzi ewlenin ikunu ntemmu. Ix-xufiera u s-sidien huma urtati għall-mod kif trattathom Trasport Malta u għa-theddida li permezz tagħha huma jistgħu jitilfu x-xogħol.
Lix-xufiera, l-uffiċjal ta’ Transport Malta qalilhom li Transport Malta kienet se tibgħat uffiċjal ta’ Transport Malta biex jiċċekkja l-mobiles tax-xufiera u tal-persuni fil-van biex ikun verifikat jekk dawn kinux ibbukkjaw minn qabel il-vjaġġ. Ix-xufiera qed isostnu li dan se joħloq diffikultajiet u staqsew kemm hu legali li persuna minn Transport Malta tiċċekkja l-mobiles ta’ persuni mingħar l-awtorizzazzjoni neċessarja.
//= $special ?>