Joħorġu iktar konnessjonijiet bejn Gaffarena u l-familja Zammit. Minbarra n-negozji bi sħab, il-gazzetta Maltatoday fil-ħarġa tal-Ħadd żvelat konnessjoni oħra bejn iż-żewġ familji.
L-eks Spettur Daniel Zammit u l-Ispettur Roderick Zammit, ulied l-eks Aġent Kummissarju Ray Zammit, xtraw art fil-Baħrija fl-2009 li tiġi biswit art ta’ Gaffarena. Din il-biċċa art ukoll kienet ta’ Gaffarena iżda li nbiegħet lil terzi u eventwalment inxtrat mill-aħwa Zammit.
Ta’ min ifakkar li l-eks Spettur Daniel Zammit kien il-prosekutur ewlieni fil-każ ta’ qtil li seħħ f’Diċembru 2008 f’Ħal Qormi fejn is-suspettat ewlieni hu Stephen Caruana, li hu miżżewweġ għand il-familja Gaffarena.
Kważi seba’ snin wara, il-kumpilazzjoni dwar dan il-każ għadha għaddejja u Caruana ma tpoġġa taħt ebda att ta’ akkuża. Sadanittant, Joe Gaffarena waqqa’ d-dar fejn seħħ id-delitt u minflok ittellgħet blokka appartamenti u għaldaqstant ma jistgħux isiru iktar investigazzjonijiet jew aċċess fix-xena tad-delitt.
Iżda l-eks Spettur Daniel Zammit mhux protagonist f’waħda imma f’żewġ stejjer li qed jiddominaw l-ewwel faċċata tal-gazzetta Maltatoday.
Fil-fatt, fid-dawl tal-każ ta’ konnessjonijiet bejn Malta u l-ħasil tal-flus f’pajjiżna minn organizzazzjonijiet kriminali fl-Italja, il-gazzetta żvelat li iben wieħed mill-mafjużi li kien fiċ-ċentru ta’ din l-attivita’ għandu l-indirizz reġistrat fl-istess indirizz ta’ kumpanija tal-eks Spettur Daniel Zammit.
Luigi Fabio Padovani jiġi iben Antonio Padovani, li kien arrestat fl-2011 fuq assoċjazzjoni mafjuża, u għandu indirizz reġistrat f’Compass Building – kumpless ta’ appartamenti fis-Swiewi. L-istess post fejn Daniel Zammit, flimkien ma’ ħuh Roderick Zammit u t-Taljan Francesco Airo għandhom kumpanija ta’ konsulenza fuq il-gaming.
Sa ftit ilu, l-Ispettur Daniel Zammit kien parti mit-taqsima tar-reati ekonomiċi tal-Pulizija. Hu ġie boarded out fi żmien rekord ta’ erbat ijiem u fil-pront ingħata impjieg mal-Enemalta bi ħlas ta’ €60,000 fis-sena. Meta faqqa’ l-iskandlu Gaffarena Zammit, il-Gvern ittermina l-impjieg ta’ Daniel Zammit mal-Enemalta. Illum il-ġurnata, Zammit qed jaħdem fit-taqsima tal-accounts tal-kumpaniji ta’ Gaffarena.
//= $special ?>