Lokali

Awtopsja inkonklussiva fuq il-mara li nstabet mejta f’Għawdex

Saret l-awtopsja fuq il-mara li nstabet mejta l-Ħadd wara nofsinhar, fil-wied magħruf bħala tal-Kapuċċini, fil-limiti tar-Rabat Għawdex.

Id-dettalji dwar l-awtopsja ngħataw it-Tnejn tard wara nofsinhar fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, waqt konferenza tal-aħbarijiet sabiex dak li kien qed jiġi rrappurtat dwar il-mewta tal-mara jkun jista’ jiġi ċċarat.

F’dan l-istadju l-Pulizija tista’ tikkonferma li l-mara nstabet mejta, kompletament għarwiena. L-awtopsja stabbiliet li l-mara kellha daqqa f’rasha, tbenġil f’partijiet f’sidirha u kustilja miksura. Li hu żgur hu li dawn id-daqqiet ma wasslux għall-mewt tal-mara.

Fil-mezzi tax-xandir kien qed ikun irrapurtat li l-katavru tal-mara kien ta’ Daniża ta’ 70 sena li kienet irrapurtata nieqsa. Dwar dan il-Pulizija ma ċaħditx iżda ma kkonfermatx għalkemm kollox jindika li l-katavru hu tal-mara Daniża.

Il-Pulizija qed tgħid ukoll li l-mara kienet Għawdex flimkien ma’ qraba tagħha li waslu f’pajjiżna fid-19 tax-xahar u kienu mistennija jitilqu t-Tnejn 27 ta’ Lulju.

Kien il-Ġimgha 24 ta’ Lulju li l-Għassa tal-Pulizija ta’ Marsalforn daħlilha rapport ta’ mara nieqsa. Jirriżulta li l-mara kienet mal-qraba tagħha f’Marsalforn Għawdex, qaltilhom li sejra tixtri u wara tliet sigħat kienet għadha ma ġietx lura. Kien hemmhekk fejn il-qraba għamlu r-rapport.

Il-kadavru tal-mara nstab fil-wied magħruf bħala tal-Kapuċċini, fil-limiti tar-Rabat Għawdex, minn raġel li kien miexi bil-kelb.

Għad mhux stabbilit kemm kienet ilha mejta l-mara iżda kollox jindika li kienet ilha nieqsa għal madwar jumejn.

Il-Pulizija qalet li r-raġuni li l-awtopsja hi inkonklussiva hi għaliex il-kadavru kien fi stat ta’ dekomposizzjoni u għalhekk il-pass li jmiss hu li jsir it-test tad-DNA.

Il-qraba tal-mara li kienet rraportata nieqsa għalissa ghadhom f’pajjiżna jikkollaboraw mal-Pulizija.

Il-Pulizija tavża lill-pubbliku biex kull min għandu informazzjoni dwar il-każ jgħaddiha lill-Pulizija.