Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon baqa’ jinnega u jiċħad li kien hemm xi kunflitt ta’ interess meta kien qed jinnegozja ċens ta’ bini li imbgħad għadda mingħand il-Gvern għal għand il-Bank of Valletta fl-istess waqt li kien qed jirċievi kwart ta’ miljun ewro mingħand l-istess bank talli irtira kmieni mix-xogħol.
Dan hu l-aħħar minn sensiela ta’ skandli u ġie żvelat mill-ġurnal The Sunday Times of Malta. Jirriżulta li waqt li Falzon kien qed jirċievi kwart ta’ miljun ewro mingħand il-BOV, kien qed jinnegozja mal-istess bank dwar bini – il-House of Four Winds – li issa sar l-uffiċju taċ-Chairman tal-bank Joe Cassar White.
Filwaqt li baqa’ jinnega, Falzon infexx f’attakk fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni u li se “jarah il-Qorti”. (Ara l-filmat t’hawn fuq)
Kollox juri b’mod ċar li Falzon, l-ewwel ingħata kwart ta’ miljun ewro mill-BOV, imbgħad innegozja deal mal-bank li wassal biex iċ-Chairman Cassar White issa għandu uffiċju ġdid fil-binja ‘House of Four Winds’. Il-kodiċi ta’ etika tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jgħid ċar u tond li m’għandux ikun kunflitt ta’ interess, u jekk ikun hemm dubju ta’ kunflitt ta’ interess, għandu jintalab il-parir tal-Prim Ministru.
Madanakollu, s’issa, ma kien hemm l-ebda dikjarazzjoni ta’ Michael Falzon jew ta’ Joseph Muscat dwar jekk dan il-parir intalabx.
Sensiela ta’ skandli li jinvolvu lil Michael Falzon direttament
Michael Falzon bħalissa jinsab taħt pressjoni hekk kif jinsab mifni b’sensiela ta’ skandli. L-ewwel skandlu hu l-iskandlu ta’ Gaffarena. Falzon mhux biss ammetta li siefer ma’ Gaffarena, iżda anke iltaqa’ miegħu u ddiskuta d-dettalji. Imbgħad, intbgħatet persuna mis-Segretarjat ta’ Michael Falzon ma’ Gaffarena fid-Dipartiment tal-Artijiet. Fl-aħħarnett, kienu iffirmati żewg deals jintnu, li bihom, Gaffarena sar miljunarju.
It-tieni skandlu jitratta l-kwart ta’ miljun ewro mill-BOV, fejn Falzon irċieva €260,000 talli rtira kmieni mix-xogħol. Dan jitqies bħala pakkett vantaġġjuż, minħabba l-fatt li jekk Falzon jirritorna lura għax-xogħol, ma jkunx obbligat li jħallas il-flus lura.
It-tielet skandlu, li ġie żvelat dan l-aħħar jinvolvi l-iskandlu tal-House of Four Winds. Wara li ngħata kwart ta’ miljun ewro mill-BOV, Falzon innegozja deal li permezz tiegħu, il-Bank of Valletta irċieva b’ċens il-House of Four Winds li llum jinkludi wkoll l-uffiċju ġdid għaċ-Chairman tal-Bank of Valletta.
//= $special ?>

