Ambjent Għawdex Lokali

Il-Belveder tan-Nadur: il-MEPA tiddeċiedi l-Ħamis li ġej jekk tħarsux jew teqirdux għal dejjem

Il-Ħamis li ġej, il-MEPA se tiltaqa’ biex tieħu deċiżjoni dwar jekk il-post pubbliku u belveder fin-Nadur Għawdex hux se jibqa’ jitgawda minn kulħadd u jibqa’ jipprovdi post ta’ rikreazzjoni, inkella jinqeridx darba għal dejjem bi preċedent li jittellgħu ħitan oħra f’belveders oħrajn eżistenti.

Fil-fatt, diġà hemm applikazzjoni oħra ta’ dan it-tip, li qed issir propju għax quddiem il-MEPA hemm dan il-każ tal-belveder fin-Nadur, li oriġinarjament kien għamel il-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Kunsill Lokali tan-Nadur.

Issa r-responsabbiltà hi kollha fuq il-MEPA, hekk kif il-persuna li għamlet din l-applikazzjoni hi qrib ħafna tal-Ministru Anton Refalo, li qed tippretendi li tkun akkomodata u l-belveder ikun rovinat. Minn stħarriġ li għamel Radio 101 jirriżulta li l-applikant wara l-bini ta’ dan il-ħajt hu Andrew Vella min-Nadur stess. Hu qed jitlob li jitwaqqa’ parti mill-ħajt tal-belveder u jtella’ ħajt biex jissepara l-belveder mill-għalqa tiegħu.

L-art hi hi parti minn green area fuq ridge, indikat fuq il-Pjan Lokali. Il-ħajt propost ta’ 1.4m se jtellef ħafna l-impatt viżwali taż-żona, filwaqt li se jeqred ukoll il-veduti tal-fliegu mill-belveder. Barra minhekk, il-ħajt propost imur kontra l-policy tal-MEPA għax hu ogħla minn 1.2m u se jkun tal-franka.

Il-belveder fin-Nadur hu post pubbliku, aċċessibbli għal kulħadd u jitgawda minn kulħadd. Madankollu, issa hu propost li dan jingħalaq b’ħajt b’konsegwenza li dan se jwassal biex waħda mill-isbaħ veduti tal-fliegu tiġi ostakolata darba għal dejjem.