Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, qed javda lill-oħtu ż-żgħira b’kariga importanti ħafna, fejn, bħala membru tal-Gvern, hi qed tieħu ħsieb li tkattar u tiżviluppa l-kolt tal-personalità tiegħu.
Il-kap tal-propaganda għal Kim Jong-un, bħalissa, hu anzjan ta’ 89 sena li jismu Kim Ki-nam u mifhum li dan qed isibha diffiċli biex jaqdi d-doveri tiegħu minħabba l-età. Għaldaqstant, Kim qed iħalli x-xogħol dejjem aktar f’idejn oħtu ż-żgħira, Kim Yo-jong, li hi leali ħafna lejh u li għandha tissorvelja l-proġetti kollha li jżidu l-profil ta’ ħuha bħala l-Kap komunista.
Mistenni wkoll li l-attenzjoni se tiżdied anki għal Kim Yo-jong li, din is-sena, iżżewwġet lil wieħed minn ulied is-Segretarju tal-Partit Komunista, Choe Ryong Hae.
Kim Yo-jong, li jingħad li għandha 27 jew 28 sena, kienet tistudja fl-iskejjel ewlenin tal-Iżvizzera qabel irritornat f’pajjiżha, xi snin ilu.
Minn issa ‘l quddiem, hi se torganizza r-rallies kbar li jsiru biex iroddu ġieh lil Kim Jong-un waqt li taċċerta li l-pubbliku tal-Korea ta’ Fuq jispiċċa ‘mgħarraq’ bil-propaganda li tgħolli dejjem aktar l-isem ta’ ħuha.
//= $special ?>