Internazzjonali

Il-Pulizija Ingliża tinvestiga l-imġiba xokkanti ta’ membru tal-House of Lords

L-awtoritajiet tal-Parlament Britanniku sejħu l-intervent tal-pulizija ta’ Scotland Yard wara li kien żvelat li membru importanti tal-House of Lords deher qed jieħu l-kokaina fil-kumpanija ta’ żewġ prostituti.
Baron Sewel, ta’ Gilcomstoun, li kien Deputat Speaker fil-House of Lords, irriżenja fost akkużi li hu kien qed jieħu d-droga waqt ‘sex party’. Sewel stess kien responsabbli mill-komportament tal-membri ta’ din l-istituzzjoni.
Intant, l-awtoritajiet tal-House of Lords mill-ewwel irreferew il-każ tiegħu lill-pulizija u fissru dak li ħareġ mill-każ bħala xokkanti u mhux aċċettabbli.
Ingħad li Lord Sewel – eks-Ministru Laburista għall-Agrikultura, l-Ambjent u s-Sajd, u li kien alleat tal-eks-Prim Ministru Tony Blair – inqabad fuq filmat waqt li kien qed jammetti mal-prostituti li hu xtaq iġib ruħu b’mod immorali.
Min-naħa tagħha, il-Barunessa D’Souza, bħala Lord Speaker tal-Kamra, ħarġet stqarrija iebsa u fiha kkonfermat li Scotland Yard intalbet tinvestiga b’urġenza l-każ ta’ Sewel.
Il-Barunessa sostniet li l-komportament ta’ Sewel qanqal sens ta’ xokk u ma jistax ikun aċċettat. Hi, imbagħad, ikkonfermat ir-riżenja ta’ Sewel minn Chairman tal-Kumitati fil-House of Lords.
L-istqarrija tkompli li l-House of Lords se jibqa’ jħares l-obbligi tal-moralità fil-ħajja pubblika u m’għandhiex tittollera sitwazzjonijiet fejn xi ħadd mill-membri ma jirrispettax dawn l-obbligi.
Filmat ippubblikat minn ‘The Sun on Sunday’ juri lil Sewel, li għandu 69 sena, qed iġib ruħu b’mod li mhux xieraq għar-responsabbiltajiet tiegħu waqt li kien qiegħed maż-żewġ prostituti fl-appartament tiegħu viċin Westminster.
Lord Sewel kien jitħallas l-ekwivalenti ta’ ’l fuq minn 90,000 ewro fix-xahar bħala ċ-Chairman tal-Lords’ Privileges and Conduct Committee – l-entità li tħares l-imġiba tal-‘peers’ fil-House of Lords ta’ Londra.