Ir-Renju Unit jista’ jwettaq attakki mill-ajru kontra l-ISIS fil-Libja f’każ li jkun hemm theddida imminenti għall-ħajja tal-Britanniċi.
Dan indikah il-Prim Ministru Britanniku, David Cameron, meta, f’dawn il-ġimgħat, żdied l-inkwiet dwar l-attivitajiet tal-ISIS fil-Libja. Il-preokkupazzjoni kibret wara r-rapporti li Seifeddine Rezgui, iż-żagħżugħ armat li xi ġimgħat ilu, immassakra għexieren ta’ turisti, fil-maġġoranza tagħhom Britanniċi, fil-Bajja ta’ Sousse, fit-Tuneżija, kien ingħata t-taħriġ f’kamp għat-terroristi fl-artijiet Libjani.
Intant, il-Prim Ministru Cameron, waqt żjara fl-Indoneżja, indika li jrid jaħdem mal-alleati biex jistabbilixxi Gvern stabbli fil-Libja. Hu spjega li l-problema tal-Libja hi li l-pajjiż m’għandux gvern effettiv u, għaldaqstant, ir-Renju Unit u l-alleati jridu jikkonċentraw fuq soluzzjoni.
Hu għalhekk, qal, li l-Britanniċi ppruvaw jgħinu bit-taħriġ tal-militar Libjan u għaldaqstant għandhom jaħdmu u jkomplu jaħdmu ma’ msieħba oħrajn biex jgħinu lill-Gvern ġdid tal-Libja fil-proċess fejn qed ikun iffurmat.
Filwaqt li r-Renju Unit mhux jipproponi kampanja militari kontra miri tal-ISIS fil-Libja, David Cameron indika li għandu jkun lest biex, f’każ li jkun neċessarju, jieħu azzjoni fil-konfront ta’ emerġenza.
Hu qal li f’każ li tfeġġ theddida għar-Renju Unit u l-poplu tiegħu, u din tista’ tkun ikkontrollata b’azzjoni immedjata, hu, bħala Prim Ministru, dejjem ikun dispost li jipprova jieħu din l-azzjoni. Cameron kompla li dan għandu jkun il-każ sew jekk il-problema tkun ġejja mil-Libja, u daqstant ieħor f’każ li l-problema tkun ġejja mis-Sirja jew minn kwalunkwe pajjiż ieħor.
Ir-Renju Unit jista’ jidħol fl-azzjoni fil-Libja kontra l-ISIS
