Għawdex Lokali

L-anzjana Daniża li nstabet mejta f’Għawdex, nqatlet b’daqqiet ta’ oġġett iebes f’rasha u f’sidirha biex serqulha €300

Dalgħodu, fl-Isptar Mater Dei, saret l-awtopsja fuq il-katavru tal-anzjana ta’ madwar 70 sena li nstab ilbieraħ waranofsinhar fil-Wied magħruf bħala “Tal-Kappuċċini” fil-limiti tar-Rabat Għawdex. Mill-awtopsja rriżulta li l-anzjana nqatlet b’daqqiet ta’ oġġett iebes f’rasha u f’sidirha.

Minn informazzjoni li kiseb MaltaRightNow.com jirriżulta li l-anzjana, li kienet ilha nieqsa jumejn, nstabet wiċċha ‘l isfel u bla ħwejjeġ, filwaqt li l-Pulizija qed teżamina wkoll il-fatt li setgħu nsterqulha xi flus qabel ma nqatlet. Fil-fatt, rapporti qed jgħidu li nsterqulha madwar €300 fi flus kontanti, il-Passaport u anke smartphone.

Rapporti qed jgħidu li l-mara qalgħet xi daqqiet b’oġġett iebes fuq rasha u fuq sidirha, kif ukoll li kienet ilha mejta madwar jumejn. Dan ikompli jsostni l-possibbiltà li l-katavru hu tal-anzjana Daniża li l-Ġimgħa li għadda kienet rappurtata nieqsa f’Marsalforn.

Fi tmiem il-ġimgħa li għadda, kienu diversi r-ristoranti f’Marsalforn li fihom deher imwaħħal ritratt tal-anzjana li kienet f’pajjiżna għal btala mal-qraba tagħha.

L-aħħar li dehret l-anzjana kien il-Ġimgħa għall-ħabta tal-4 ta’ wara nofsinhar, fil-Menqa ta’ Marsalforn, qrib l-għassa tal-Pulizija. Il-Katavru, li nstab jumejn wara, hu mifhum li nstab fi stat ta’ dekompożizzjoni, minħabba l-qilla tax-xemx u s-sħana kbira ta’ tmiem il-ġimgħa.

L-awtopsja tmexxiet mit-Tabib Forensiku Mario Scerri.

kadavru1