Internazzjonali

L-ewwel żjara minn President Amerikan fl-Etjopja

Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, sar l-ewwel Mexxej Amerikan li żar l-Etjopja fejn qed jiddiskuti d-drittijiet umani u l-issues tas-sigurtà għal dan ir-reġjun Afrikan flimkien mal-Prim Ministru Etjopjan, Hailemariam Desalegn.

L-aġenda tat-taħditiet f’Addis Ababa qed titratta anki l-gwerra ċivili fis-Sudan t’Isfel, bil-President Obama, għada, isir anki l-ewwel President tal-Istati Uniti fil-kariga li jindirizza l-konferenza tal-Unjoni Afrikana (UA) ta’ 54 membru li qed tkun organizzata fil-kapitali Etjopjana.

Barack Obama wasal l-Etjopja wara programm intensiv ta’ jumejn fil-Kenja. Hemmhekk, il-President Amerikan iddiskuta l-kummerċ u s-sigurtà waqt li wissa kontra l-korruzzjoni, fost sejħiet għal aktar rispett għad-drittijiet umani.

Fil-każ tas-Sudan t’Isfel, Obama mistenni jsejjaħ għal sanzjonijiet akbar u embargo tal-armi potenzjali f’każ li l-gruppi tal-ġellieda rivali f’dan il-pajjiż ma jaqblux rigward ftehim għall-paċi.

Madankollu, uffiċjali Amerikani li qed jakkumpanjaw lil Obama fl-Afrika m’humiex jistennew li t-taħditiet jirriżultaw fi żblokk notevoli.

Il-gwerra ta’ 19 il-xahar fis-Sudan t’Isfel ħalliet l-eluf ta’ mejtin u ‘l fuq minn żewġ miljun refuġjat.