Lokali

Malta fiċ-ċentru ta’ traffikar illegali ta’ fuel

Malta tinsab fiċ-ċentru ta’ operazzjonijiet illegali ta’ traffikar ta’ fuel, b’mod speċjali diesel, minn numru ta’ pajjiżi għall-Ewropa. Fil-fatt jirriżulta li pajjiżna qed jintuża bħala t-triq tan-nofs biex traffikanti jgħaddu minnha għall-Ewropa.

Jidher li l-Pulizija Taljana fl-aħħar xhur tefgħu għajnejhom u qed jinvestigaw it-traffikar taż-żejt bil-kuntrabandu billi jiffukaw fuq Malta. L-investigazzjonijiet ħallew il-frott tant li sa ftit jiem ilu, ġew arrestati żewġ Taljani li mil-Libja kienu qed iġibu l-fuel lejn Malta qabel ikompli l-vjaġġ lejn il-Libja.

It-traffikar ta’ żejt b’mod illegali mil-Libja lejn Malta hu kkalkulat li jiswa lill-Gvern Libjan madwar €4 biljuni fis-sena.

Sa ftit ġimgħat ilu ġew arrestati wkoll numru ta’ persuni b’rabta ma’ traffikar ta’ diesel f’pajjiżi differenti fl-Ewropa, inkluż f’Malta, kif ukoll il-Ġermanja, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka u r-Rumanija.

Dawn l-arresti, wara inkjesta bl-isem ‘Sturm Oil’, wasslu biex inkixfet xibka ta’ kriminalità u traffikar illegali tal-fuel bil-kuntrabandu li tant kien jikkonsisti f’ammonti kbar li xi gazzetti fl-Italja ddeskrivewh bħala ‘xmara ta’ diesel.’

Dan il-każ speċifiku beda fl-2013 meta grupp ta’ persuni bdew jimpurtaw illegalment il-fuel biex jinbiegħ. Hu kkalkulat li sa meta nkixef kollox u saru l-arresti, fl-Italja daħlu mal-erbatb elef tunnellata ta’ diesel b’mod illegali. Dan kollu ħalla qligħ ta’ madwar 5,7 miljun ewro.

Jirriżulta li d-diesel, trattat bi proċess kimiku u miżjud b’kimiċi differenti, kien jiġi trasportat mill-Ġermanja lejn l-Italja. Dawk akkużati rnexxielhom jevadu l-kontrolli u regoli marbuta mat-trasport tal-fuel għaliex wara t-trattament kien jidher iktar qisu żejt industrijali.

Ladarba dan iż-żejt jidħol fl-Italja, dawk involuti suppost kienu jgħadduh biex jinbiegħ fis-swieq Griegi kif ukoll Malta bi prezz irħas u li allura jħalli iktar qligħ lil dawk li jbigħuh lill-konsumatur.

Minkejja li jidher li dan il-fuel ftit li xejn kien qed jasal Malta, u ħafna minnu kien qed jitqassam fl-Italja, dawk involuti kienu qed jużaw kumpaniji f’Londra u Praga, li kienu reġistrati fuq ismijiet ta’ nominees. Madankollu dawn il-kumpaniji kienu amministrati mill-persuni li kienu qed imexxu l-kutrabandu tal-fuel.

Imma Malta, kif ukoll ir-Repubblika Ċeka u r-Renju Unit, kienet importanti għaliex f’pajjiżna dawn il-persuni kienu qed jagħmlu użu minn kontijiet kurrenti ta’ konvenjenza.

F’dawn il-kontijiet kienu qed jidħlu b’mod kostanti somom ta’ flus ġejjin minn dawn l-operazzjonijiet illegali, jużaw dokumenti foloz u jissemmew kumpaniji benefiċjarji f’Malta u l-Greċja, jiġifieri li suppost kellhom jirċievu l-fuel imma li fil-verità qatt ma kienu jirċievu xejn.

Diesel ta’ kwalità inferjuri jagħmel ħsara fil-pompi u l-karozzi

Fl-istess żmien li beda dan it-traffikar illegali mill-Ġermanja għall-Italja, biex suppost jinbiegħ f’Malta, f’pajjiżna l-Enemalta kienet irreġistrat żieda fl-ilmenti dwar il-kwalità tad-diesel mibjugħ lill-konsumaturi Maltin.

Fil-fatt l-ilmenti wasslu biex l-Enemalta f’Ottubru 2013 qabbdet lill-kumpanija Inspectorate biex twettaq testijiet fuq numru ta’ bowsers qabel dawn jimlew il-pompi tal-fuel minn fejn jinqdew il-klijenti.

Madankollu dakinhar kien ġie stabbilit li l-kwalità tal-fuel kienet tilħaq il-kriterji Ewropej.

Fis-snin ta’ qabel ukoll kien hemm każi simili, fosthom fl-2011 meta l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi kellha sensiela ta’ ilmenti dwar il-kwalità tad-diesel. Dan kien wassal biex bdew proċeduri legali kontra sid ta’ pompa tal-petrol li kienet ġiet imbagħabsa u erba’ każi oħra kontra sidien ta’ pompi tal-petrol li kienu qed jissuplixxu fuel li ma jlaħħaqx kriterji legali.

Fil-fatt fl-istess żmien numru ta’ mekkaniks kienu rrappurtaw żieda fi ħsarat fil-pompi ta’ karozzi li jużaw id-diesel, xi ħaġa li fil-maġġoranza tal-każi tkun konsegwenza ta’ fuel bi kwalità inferjuri.

Qatt ma ħareġ biċ-ċar minn fejn ġie dan il-fuel inferjuri.

Sitt persuni akkużati

L-aħħar żviluppi tal-inkjesta ‘Sturm Oil’ jindikaw li l-persuni li mexxew dan il-kutrabandu evitaw madwar 15-il miljun ewro f’sisa fuq il-fuel.

L-inkjesta ‘Sturm Oil’ ħalliet il-frott meta l-investigaturi osservaw trailer li kien qed iġorr il-fuel, u li mad-daqqa t’għajn deher li kollox kien regolari. Fil-verità dan it-trailer kien wieħed minn sensiela ta’ traffikar tal-fuel bl-intenzjoni tkun dik li tiġi evitata t-taxxa.

Kien hawn li ħarġet ordni għall-arrest ta’ sitt persuni fis-sitt pajjiżi involuti, inkluż Malta, jiġifieri Aristide Giannetti, li hu meqjus bħala wieħed mill-imħuħ wara din il-frodi, kif ukoll oħtu Beatrice, Andrea Morroni, Sebastiano Accaputo, Andrea Chiappelli u Adrian Sebastian Tulbure.

Tnejn oħra, Francesco Tedesco u Massimiliano Santucci, meqjusa bħala l-persuni li kienu jirreferu għalihom l-imħuħ wara l-operazzjoni, inżammu taħt ‘house arrest’.

Ġew sekwestrati wkoll 450 elf kilo ta’ fuel u iktar minn 352 elf ewro.

Il-Pulizija Taljana tħares lejn pajjiżna

Kif irrappurtat fl-aħħar jiem mill-gazzetta Taljana ‘La Gazzetta del Mezzogiorno’, Malta kienet qed titqies mill-investigaturi Taljani bħala ‘bejta’ tal-kriminalità organizzata u t-triq tan-nofs minn fejn dawk li jridu jwettqu xi illegalità jistgħu jgħaddu.