Internazzjonali

Mattarella jfisser l-Italja bħala qawwa ewlenija kontra l-ISIS

Il-President Taljan, Sergio Mattarella, qal li l-Italja hi qawwa ewlenija għal kontra l-barbariżmu tal-ISIS. Fl-istess ħin, hu fisser lil pajjiżu bħala protagonist fil-battalja kontinwa kontra dan il-grupp ta’ ġellieda Iżlamiċi.
“L-Italja tinsab spalla ma’ spalla mal-pajjiżi fuq in-naħa l-oħra tal-Mediterran li jinsabu fuq quddiem nett fil-battalja kontra l-barbariżmu,” qal Mattarella, b’referenza għall-ISIS, waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-ambaxxaturi fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, f’Ruma.
Il-President Taljan kompla li t-terroriżmu fundamentalista hu fenomenu serju li għandu jkun indirizzat sewwa, b’mod konkret u b’determinazzjoni.
Skont Mattarella, l-Italja qed tagħmel li tista’ biex teħles lill-erba’ Taljani li nħatfu ostaġġi fil-Libja dan ix-xahar, u lill-qassis Ġiżwita Taljan, Paolo Dall’Oglio, li kien inħataf fis-Sirja fl-2013.
“L-Italja qed tinsisti bil-massimu ta’ dan l-impenn,” temm jgħid il-President Taljan.