Minkejja li ppressat kontinwament bi skandlu wara l-ieħor, is-Segeretarju Parlamentari Michael Falzon jiddikjara li mhux se jirriżenja jew se jitlaq mill-kariga tiegħu.
Din id-dikjarazzjoni Michael Falzon għamilha waqt intervista li kellu fuq l-istazzjon Laburista One.
L-aħħar ġimgħat kienu ġimgħat ta’ kritika kontinwa fuq il-Ministru Falzon hekk kif kienu żvelati diversi skandli li seħħew taħt ir-responabbiltà tad-Dipartiment tal-Artijiet li hu responsabbli politikament tiegħu.
Kien il-każ ta’ Gaffarena li poġġa lis-Segeretarju Parlamentari Falzon taħt pressjoni qawwija aktar u aktar meta tul il-ġimghat bdew ikunu żvelati dettalji ġodda li qed jagħmlu dan l-iskandlu wieħed komplikat f’xibka ta’ skandlu ikbar.
Biex donnu l-iskandlu ta’ Gaffarena fi Triq Zekka ma kienx biżżejjed, wara dan l-iskandlu kien żvelat ukoll li l-istess Gaffarena kien qed jippjana li jixtri palazz ieħor enormi fil-Belt bl-iskop li wara jakkwista miljuni ta’ ewro mingħand il-gvern fi proċess ta’ esprorprjazzjoni fuq l-istess binarji li sar fl-iskandlu ta’ Triq Zekka.
F’dan l-iskandlu kien stabbilit ukoll li Gaffarena qed jikseb informazzjoni mid-Dipartiment tal-Artijiet b’każi fejn hu jista’ jintervjeni biex jakkwista proprjetà.
Minbarra dawn l-iskandli konnessi mal-proprjetà u d-Dipartiment tal-Artijiet, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon qed jiġi ppressat ukoll dwar il-260,000 ewro li hu ħa mingħand il-Bank of Valletta biex dan iritira mill-bank meta sar Segretarju Parlamnetari.
Bħala raġuni għal din l-għotja, il-Bank of Valletta qal li Michael Falzon ingħata din is-somma enormi biex ma jkollux kunflitt ta’ interess.
Id-dikjarazzjonijiet u l-ispjegazzjoni ta’ Michael Falzon u tal-Bank of Valletta qed iqanqlu iktar suspetti bl-opinjoni pubblika tibqa’ tistaqsi dwar kif qed jintefqu flus il-poplu u xi skrutinju qed isir.
//= $special ?>