Ambjent

Triq il-Kosta magħluqa għal xi jiem

Il-proġett tal-Gvern biex jibni Triq il-Kosta jidher li qed ikompli jmur lura mill-pjan oriġinali. Kawża ta’ dan, il-Gvern issa ħabbar li t-triq se tkun magħluqa għat-traffiku, possibilment biex jitgħaġġel ix-xogħol.

Fi stqarrija, Transport Malta qalet li din it-triq ewlenija se tkun magħluqa sal-Ġimgħa li ġej, filwaqt li appellat lis-sewwieqa biex jużaw toroq alternattivi minn Birkirkara, il-Mosta jew il-Bypass tal-Imġarr.

Transport Malta rrikonoxxiet li inċident tat-traffiku li seħħ it-Tnejn filgħodu f’Tal-Balal wassal għal żieda qawwija fl-ammont tat-traffiku fit-toroq alternattivi.

Minkejja l-wegħdiet mill-Ministru Joe Mizzi li l-proġett ta’ Triq il-Kosta kien on-track, dan kien imdawwar b’numru ta’ kontroversji. Fost l-oħrajn, residenti tas-Salina fetħu Mandat ta’ Inibizzjoni, filwaqt li fi Frar li għadda, il-Gvern qal li nstabu xi fdalijijiet arkeoloġiċi.

Dakinhar, il-Gvern kien qal li kawża ta’ dan, ix-xogħlijiet kellhom jimxu b’rata aktar kawta. Il-Gvern kien qal li kawża ta’ dan kollu, Transport Malta, il-kuntrattur u s-Supervisor kellhom ibiddlu l-programm tax-xogħlijiet.

Dakinhar, il-Gvern kellu jammetti li l-proġett ta’ Triq il-Kosta mhux se jkun lest sa dan is-Sajf, b’inkonvenjent għas-sewwieqa, għar-residenti u anke għas-settur turistiku.