Lokali

Vapur b’mandat t’arrest jaħrab minn Malta

Qed jiġi mfittex biex iħallas aktar minn €45,000

Vapur b’mandat t’arrest ħarab minn Malta minkejja li kellu mandat t’arrest biex ma jitlaqx mill-gżejjer Maltin peress li qed jiġi mfittex biex iħallas eluf kbar ta’ ewro flus dovuti.

Il-vapur Feyza Genc hu bastiment tat-tagħbija reġistrat it-Turkija b’tul ta’ aktar minn 85 metru. Il-mandat t’arrest inħareġ mill-Qorti nhar il-Ġimgħa li għadda, 24 ta’ Lulju. Il-bastiment kien wasal f’Malta ftit qabel.

Jirriżulta li l-bastiment qed jiġi mfittex minn kumpanija Maltija li tissuplixxi l-fjuwil lill-bastimenti. Il-kumpanija Cassar Fuel Limited filfatt qed tfittex li tingħata lura b’aktar minn EUR 45,000 fi ħlasijiet għal fjuwil li kien ingħata lil dan il-bastiment aktar minn sena ilu.

Il-bastiment Feyza Genc hu ta’ madwar 2,000 tunnellaġġ u daħal Malta l-ġimgħa li għaddiet. Il-mandat t’arrest mill-Qorti Ċivili ta’ Malta nħareġ nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Lulju 2015. Fl-istess jum, Transport Malta ġiet mgħarrfa b’dan il-mandat t’arrest sabiex tkun tista’ tassigura li l-bastiment ma jitlaqx minn Malta sakemm jitlestew il-proċeduri legali kollha fil-Qorti.

Dan peress li l-liġi ta’ Malta titlob li tkun l-awtorita’ kkonċernata, f’dan il-każ Transport Malta, li tassigura li l-mandat t’arrest maħruġ mill-Qorti jiġi mħares, u l-bastiment jibqa’ ankrat. Madanakollu, jirriżulta li l-bastiment ħarab minn Malta, aktarx nhar il-Ġimgħa stess. Fis-sigħat li l-bastiment kien Malta, hu kien ankrat fiz-zona magħrufa bħala Bunkering Area 3.

Bunkering Area 3 hija l-aktar zona mbiegħda fl-ibħra Maltin fejn bastiment jista’ jiġi f’pajjiżna. F’dawn ‘l hekk imsejjħa “Offshore Bunkering Areas’, il-bastimenti li jiġu Malta, jitrakkaw ma’ bastimenti oħra lokali biex jingħata l-fjuwil. Il-bastiment Feyza Gench kien ordnat li jibqa’ ankrat f’Bunkering Area 3.

Din iz-zona, ‘Bunkering Area 3’, tinsab madwar 9 mili barra mill-kosta Maltija u madwar 3 mili biss bogħod mill-ibħra internazzjonali. Ara l-mappa hawn taħt għaz-zoni tal-bunkering.

Bunkering Areas

Minn riċerka li għamel is-sit MaltaRightNow.com jirriżulta li l-bastiment bħalissa jinsab fi triqtu lejn il-port ta’ Gulluk fit-Turkija u mistenni jasal it-Turkija it-Tlieta fit-8 ta’ filgħodu. Bħalissa l-bastiment jinsab qrib il-gżira ta’ Kreta.

27-7-15 - 10.04am

Żewġ każi oħra fl-2014 li fihom ħarbu bastimenti b’mandati t’arrest

Dan il-każ mhuwiex iżolat. Lura f’Awissu tas-sena li għaddiet, il-midja kienet irrappurtat li kien hemm żewġ każi oħra ta’ bastimenti li ħarbu minn Malta minkejja li dwarhom inħareġ mandat t’arrest. Fost l-oħrajn, il-bastiment tat-tagħbija ‘The Madra’ li kellu fuqu żewġ mandati t’arrest.

Dan peress li l-kumpanija Cassar Fuel Limited u l-kumpanija Taljana Shipoll kienu qed ifittxu lill-bastiment għass-somma ta’ madwar EUR 200,000 f’ħlas dovut lilhom għal fjuwil li kien ingħata. Madanakollu l-bastiment laħaq ħarab qabel ma kien interċettat mill-Forzi Armati ta’ Malta.

Dwar dan il-każ, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija kien talab li ssir inkjesta pubblika dwar kif ħarab dan il-vapur.

Aktar kmieni, f’April tas-sena li għaddiet kien ħarab bastiment ieħor, din id-darba l-MT Atlantik li wkoll kellu mandat t’arrest b’kumpanija li kienet qed tgħid li l-bastiment kien dovut li jagħti madwar EUR 900,000 fi ħlas għal fjuwil.