It-temperatura medja li ġiet imkejla fil-karozzi tal-linja kienet ogħla mit-temperatura rikjesta skont il-kuntratt
Minkejja li l-Gvern qiegħed jibqa’ jirreżisti li jippubblika l-ftehim li ffirma dwar is-servizz tat-trasport pubbliku, il-Gvern diġà ħallas aktar minn €13.4-il miljun minn Jannar sa Lulju, sussidju ferm ogħla minn dak li kien jitħallas qabel hekk kif qed jikbru l-ilmenti bil-pubbliku jkompli juri d-diżappunt għal servizz inferjuri u mhux tal-livell mixtieq.
Jirriżulta li fl-ewwel seba’ xhur tas-sena u minn meta l-kumpanija Spanjola ħadet f’idejha s-servizz tat-trasport pubbliku, il-Gvern diġà ħallas is-somma ta’ €1,916,666 f’sussidju kull xahar, jiġifieri seba’ pagamenti għal total ta’ €13,416,662.
Fin-nuqqas tal-pożizzjoni tal-Gvern li jibqa’ ma jipubblikax il-kuntratt mal-kumpanija Autobuses de Leon minkejja li ilu li ffirma l-ftehim tmien xhur, fl-aħħar ġimgħat id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina ressaq sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari lill-Ministru Joe Mizzi, responsabbli mit-trasport pubbliku.
Il-Gvern jibqa’ jirrepeta dak li ilu jgħid ix-xhur
Il-Ministru Joe Mizzi reġa’ rrepeta dak li ilu jgħid il-Gvern ix-xhur, li l-kuntratt iffirmat mal-Autobuses de Leon ser ikun qiegħed jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ġaladarba l-poplu jkun infurmat b’dak kollu li għandu jkun jaf fuq is-servizz tat-trasport pubbliku l-ġdid – u dan minkejja li issa l-kumpanija ilha tħaddem is-servizz mill-bidu tas-sena.
Mitlub il-Ministru Mizzi jwieġeb dwar jekk tnaqqsux xi ammonti ta’ sussidju għal rotot maqbuża fil-perjodu ta’ kull pagament ta’ sussidju li sar, it-tweġiba tal-Gvern kienet li għadu japplika l-perjodu ta’ żmien transitorju fejn l-operatur tat-trasport pubbliku jkun jista’ jadatta l-operat tiegħu sabiex ikun jista’ jottjeni r-rekwiżiti mitluba fil-kuntratt. F’dan il-perjodu transitorju, l-operatur hu eżentat minn kull penali kontemplata fil-kuntratt. Għaldaqstant, il-Ministru Mizzi qal li ma sar l-ebda tnaqqis minn dan is-sussidju.
Għall-istess raġunijiet, ma kienx hemm multi applikabbli minħabba xi ksur ta’ xi waħda mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt li ġie ffirmat bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Spanjola.
It-temperatura fil-karozzi tal-linja ogħla minn dik rikjesta fil-kuntratt
Irriżulta wkoll minn aktar mistoqsijiet li saru mid-Deputat Nazzjonalista, li t-temperatura fil-karozzi tal-linja li qed jintużaw fis-servizz tat-trasport hi aktar minn grad ogħla mill-ogħla temperatura li hi rikjesta fil-kuntratt.
Uffiċjali ta’ Transport Malta wettqu spezzjonijiet abbord il-karozzi tal-linja fejn fost oħrajn tiġi ċċekkjata t-temperatura. Minn dawn l-ispezzjonijiet jirriżulta li t-temperatura medja li ġiet imkejla waqt dawn l-ispezzjonijiet, kienet ta’ 25.3 gradi celcius.
It-temperatura rikjesta skont il-kuntratt għandha tkun ta’ bejn l-20 u l-24 grad celcius.
Skont il-Ministru Joe Mizzi, din is-sitwazzjoni mistennija titjieb fil-ġimgħat li ġejjin bl-introduzzjoni tal-karozzi tal-linja l-ġodda fuq is-servizz. F’dan il-każ ukoll, minħabba li l-kumpanija Spanjola għadha fil-perjodu transitorju, hi eżentata minn kull penali kontemplata fil-kuntratt.
Vjaġġi skedati ma jsirux
Il-Ministru Mizzi ammetta wkoll li minħabba n-natura tal-operat, ikun hemm ġranet fejn xi vjaġġi li jkunu skedati fis-servizz tat-trasport pubbliku ma jsirux.