Internazzjonali

Il-belt ta’ Bengażi mingħajr dawl fost ġlied qalil

Il-belt ta’ Bengażi, lejn il-Lvant tal-Libja, spiċċat fid-dlam wara li ntlaqtu tlieta fost il-ħames power stations li jipprovdu d-dawl lill-inħawi. Dan ġara waqt il-battalji intensivi li għaddejjin bħalissa bejn il-qawwiet tal-Gvern ta’ Tobruk u l-ġellieda Iżlamiċi.

Din hi wkoll it-tieni l-akbar belt Libjana u r-rapporti qalu li r-residenti fl-inħawi ilu jinqatgħalhom id-dawl għal xi 16-il siegħa kuljum.

Il-qawwiet leali għall-Gvern Libjan uffiċjali li għandu l-bażi tiegħu fl-artijiet tal-Lvant ilhom l-aħħar 15-il xahar jikkumbattu lill-gruppi tal-militanti Iżlamiċi, bil-konsegwenza li ħafna kwartieri ta’ Bengażi nbidlu f’widien ta’ qerda u tifrik.

Kelliema għall-kumpanija tad-dawl tal-Istat GECOL, f’Bengażi, qalu li l-impjant tad-dawl ewlieni (li jaħdem bil-gass) għadu stabbli fuq medja ta’ 650 megawatt kuljum. Iżda t-tliet sub-stations li jiddistribwixxu d-dawl fi ħdan il-belt saritilhom ħsara sinifikanti waqt il-ġlied.

Il-kumbattimenti kontinwi qed jagħmluha impossibbli biex in-nies speċjalizzati jaslu fl-inħawi tas-sub-stations biex jagħmlu t-tiswijiet meħtieġa, u l-kelliema jsostnu li l-kumpanija tad-dawl tal-Istat qed jispiċċawlha l-ispare parts. Filwaqt li huma meħtieġa t-tiswijiet fuq turbina, il-kumpanija Ġermaniża li kienet tieħu ħsieb il-ħidma tal-manutenzjoni rtirat miz-zona u qed tirrifjuta li tibgħat l-inġiniera lejn Bengażi.

Is-sitwazzjoni f’din il-belt tenfasizza l-kaos fil-Libja fejn l-entitajiet armati rivali qed jappoġġjaw iż-żewġ gvernijiet – dak ta’ Tripli u l-ieħor f’Tobruk – li qed jissieltu għall-kontroll tal-pajjiż.