Lokali

Il-Ġurnali tal-lum

Il-ġurnali tal-lum 28 ta’ Lulju huma dominati mill-konferenza tal-aħbarijiet tal-Pulizija li tat dettalji dwar l-aħħar żviluppi fil-każ tal-mara li nstabet mejta f’Għawdex il-Ħadd waranofsinhar

IN-NAZZJON jiddedika l-ewwel faċċata għall-ħarba ta’ vapur mill-ibħra Maltin. Dan il-vapur kien taħt mandat ta’ arrest mill-Qorti sabiex is-sidien iħallsu iktar minn €45,000 għal fuel li ngħataw.

THE MALTA INDEPENDENT b’żewġ stejjer fl-ewwel faċċata. Rapport dwar il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Pulizija li fiha ingħad li l-każ tal-mara misjuba mejta f’Għawdex qed jitqies bħala mewta suspettuża iżda għad m’hemmx ħjiel ta’ kif din il-mara tilfet ħajjitha. Il-ġurnal jirrapporta wkoll kif Mapfre Middlesea xtara l-kumpanija Allcare Insurance għal €1.6 miljun.

TIMES OF MALTA ukoll jirrapporta dwar il-mewta f’Għawdex li l-pulizija qed tqisha bħala waħda suspettuża. Fl-ewwel faċċata wkoll, il-ġurnal jirrapporta li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali qed isegwi s-sitwazzjoni tal-power station wara li sar magħruf li s-sieħeb ewlieni tal-konsorzju Electrogas Malta, Gasol plc, irtira mill-konsorzju.

L-ORIZZONT jirrapporta li l-awtopsja li saret fuq il-mara li nstabet mejta f’Għawdex kienet waħda inkonklussiva u li l-pulizija qed tqis il-mewt bħala waħda suspettuża. Testijiet tad-DNA għandhom jikkonfermaw b’ċertezza l-identita’ tal-mara. Fl-ewwel faċċatta wkoll, il-ġurnal jirrapporta dwar flus li jintbagħtu minn barranin li jaħdmu Malta. Dan jammonta għal madwar €18-il miljun.