Hekk kif il-Pitkalija għadha ffaċċjata minn problema kbira dwar il-kaxxi tal-prodotti u s-sistema madwarhom, il-Gvern se jkun qed iżid b’mod qawwi l-kontribuzzjoni li titħallas mill-bdiewa u x-xerrejja.
Fil-fatt, iż-żieda fil-kontribuzzjoni li l-bdiewa u xerrejja jridu jħallsu għall-ħasil, l-irranġar u l-bdil fejn meħtieġ tal-kaxxi tal-Pitkalija issa se tizdied bi 300%: minn 2ċ kull €6.99 għall-6ċ kull €6.99.
Dan jirriżulta minn tweġibiet Parlamentari li ngħataw mis-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes meta ken qed iwieġeb mistoqsijiet tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura Toni Bezzina. Din iż-żieda se ssir għax-xerrejja u l-bdiewa biss għax il-kontribuzzjoni tal-Pitkala se tibqa’ l-istess: 2ċ kull €6.99.
Mill-mistoqsijiet jirriżulta li telqu tliet Senior Clerks, iżda minflokhom daħlu 12 il-ħaddiem ġdid mal-Gvern, li huma Senior Engineer, Principal, Principal Security Officer u disa’ Crate Operators. Uħud minn dawn huma minn Ħal Luqa u minn Ħal Qormi, jiġifieri mid-distrett ta’ Rodrick Galdes.
Miż-żieda fil-kontribuzjoni tax-xerrejja u l-bdiewa, jridu jitħallsu d-disa’ Crate Operators ġodda li ddaħħlu mal-Gvern, bil-probabbiltà hi li dawn iridu jiżdiedu b’xi sitta oħra. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li bħalma l-Gvern għolla s-sussidju għall-provista tat-trasport pubbliku bi tlett darbiet (minn €10 miljun għal kwazi €30 miljun), l-istess għamel fil-kontribuzzjoni tal-bdiewa u x-xerrejja.
Madankollu, hu esprima t-tama tiegħu li f’dan il-każ ma jsirx l-istess bħal ma ġara fit-trasport pubbliku, fejn trippla s-sussidju iżda s-servizz baqa’ kif kien jew saħansitra mar għall-agħar.
Bdiewa u xerrejja li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li ħadd ma kkonsultahom dwar din iż-żieda. Jidher li kull ma sar hu li s-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa Lou Naudi ħareġ ċirkulari f’isem l-Assocċjazzjoni u talab lil-bdiewa jiffirmawha.
Il-bdiewa u x-xerrejja qed isostnu li għalkemm ipprovat tingħata l-impressjoni li din ħarġet biex tgħin lill-bdiewa, l-iskop taċ-ċirkulari hu biss wieħed politiku partiġġjan.
//= $special ?>

