Uffiċjali tal-Pulizija fl-Italja ssekwestraw is-sitt karozza fl-aħħar ftit xhur li kienet diretta lejn Malta f’dak li jidher li hu biss episodju wieħed minn sensiela ta’ operazzjonijiet simili ta ‘ serq u traffikar illegali ta’ karozzi lejn Malta.
Jirriżulta li dawk li qed imexxu dan it-traffikar tal-karozzi b’mod illegali kienu qed jikru l-karozzi mill-Ġermanja, jaqsmu lejn l-Italja imbagħad lejn Malta. Hekk kif il-vetturi jaslu f’Malta, is-sewwieqa li jkunu kompliċi f’dan kollu jirrapurtaw li l-vettura nsterqet.
Filfatt fl-aħħar xhur kienu qed jiżdiedu b’mod kostanti l-każi ta’ kumpaniji li jikru l-karozzi u li rrapurtaw li vetturi tagħhom insterqu.
F’dan l-iktar każ riċenti, il-Pulizija Taljana arrestat raġel ta’ 27 sena minn Ragusa li kera karozza ġdida fjamanta (ritratt) bl-iskuża li ried jattendi ċerimonja u xtaq joħroġ ta’ nies. Jidher li min krielu l-karozza emmnu tant li tah karozza li kellha 30 kilometru sewqan.
Imma din il-frodi ma kinitx tkun possibbli li kieku mhux għax dawk li kienu qed imexxuha kellhom kompliċi Taljani u Maltin li qed joperaw minn Malta. Dan għaliex il-karozza mikrija kienet tinstaq sa Ragusa u jsiru l-pjani meħtieġa qabel jinqata’ biljett tal-katamaran fuq isem falz.
Ladarba l-karozza tasal Malta, ir-raġel li kien kera l-karozza jirraporta li din hi nieqsa u nsterqet f’post li ħafna drabi jkun fl-imwarrab u bogħod minn fejn tkun inkriet. Dan biex tagħmilha diffiċli għas-sidien tal-karozza li jippruvaw ifittxuha, u jekk jippruvaw ikunu qed jidħlu fi spiża kbira.
Ladarba l-karozza tasal Malta, min ikun kompliċi f’din il-frodi jżarmahha biċċiet u jbiegħ il-partijiet tagħha bħala spare parts bi prezz irħas minn tas-suq. Minn naħa l-oħra l-kumpanija li tkun kriet il-karozza ma jkolliex għażla ħlief titlob il-flus mingħand il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, li madankollu qatt ma jagħtu l-flus kollha li tiswa’ l-karozza.
Dawn il-każi wasslu biex xi kumpaniji kellhom jgħollu l-prezz tal-kera għall-karozzi biex jirkupraw it-telf li kienu qed jirreġistraw. Minn naħa tagħhom il-Pulizija fl-Italja żiedu l-kontrolli f’Pozzallo, minn fejn jiltaq il-katamaran lejn Malta.
Filfatt din il-ħidma qed tħalli l-frott u r-raġel ta’ 27 sena ġie arrestat wara li ma setax jiġġustifika għaliex kien qed isuq karozza bil-kuntratt tal-kera skadut u kien dirett lejn Malta, meta dan il-vjaġġ ma kienx dikjarat lill-kumpanija.
Il-vettura, b’valur ta’ madwar €45,000, ingħatat lura lill-kumpanija filwaqt li r-raġel qed jaffaċċja akkużi ta’ miżappropjazzjoni.
Dan hu każ ieħor li jkompli jikkonferma dak irrapurtat fl-aħħar jiem mill-gazzetta Taljana ‘La Gazzetta del Mezzogiorno’, jiġifieri li Malta kienet qed titqies mill-investigaturi Taljani bħala ‘bejta’ tal-kriminalità organizzata u t-triq tan-nofs minn fejn dawk li jridu jwettqu xi illegalità jistgħu jgħaddu.
Filfatt fl-aħħar jiem dan is-sit irraporta kif ġie arrestat il-mafjuż imfittex Vincenzo Locorotondo wara li wasal f’Pozzallo minn Malta, ġew sekwestrati f’Malta sitt azjendi ta’ Betuniq li kienu qed jintużaw għall-ħasil tal-flus mill-mafja, ġie sekwestrat l-uffiċċju tal-kumpanija Save International Ltd, ibbażat f’Birżebbuġa, minħabba rabtiet mal-‘Ndrangheta u li Malta tinsab fiċ-ċentru ta’ traffikar illegali ta’ fjuwil mil-Libja lejn Malta.
Fl-aħħar sena ġie arrestat ukoll il-boss tal-Kamorra Aldo Gionta, li kien se jirkeb il-katamaran lejn Malta, u Sebastiano Brunno li kien arrestat f’Buġibba fit-2 t’Ottubru 2014.
//= $special ?>