Il-Pulizija llum waranofsinhar ikkonfermat li l-katavru li nstab il-Ħadd waranofsinhar f’Għawdex hu tal-mara Daniża li kienet irrappurtata nieqsa jumejn qabel f’Marsalforn. Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li waslet għal din il-konferma wara testijiet forensiċi li saru fuq il-katavru tal-anzjana, ta’ 71 sena.
Id-Daniża kienet irrappurtata nieqsa l-Ġimgħa li għadda wara li għall-ħabta tat-3.30pm qalet lill-qraba li kienu magħha li sejra tixtri, iżda wara tliet sigħat baqgħet ma rritornatx. Sfortunatament, hi nstabet bla ħajja jumejn wara, il-Ħadd, minn raġel li kien miexi bil-kelb fil-Wied magħruf bħala “Tal-Kappuċċini” fil-limiti tar-Rabat Għawdex.
F’konferenza tal-aħbarjiet li saret ilbieraħ, il-Pulizija kkonfermat li l-mara nstabet mejta, kompletament għarwiena, kif ukoll li l-awtopsja stabbiliet li l-mara kellha daqqa f’rasha, tbenġil f’partijiet minn sidirha u kustilja miksura.
Filwaqt li sostniet li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, il-Pulizija reġgħet appellat biex kulmin għandu xi informazzjoni li tista’ twassal għall-għeluq tal-każ, hu mitlub jgħaddiha, anke b’mod kunfidenzjali, fuq in-numru 119.
//= $special ?>