Lokali

Jintalab ħlas mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex

Persuna li kellha bżonn tidħol l-Isptar ta’ Għawdex wara li sofriet ksur minħabba waqa’, intalbet ħlas għall-isling li saritilha biex iżomm idha f’pożizzjoni tajba. Dan ġie żvelat ilbieraħ mix-Shadow Minister Nazzjonalista Chris Said f’kumment li ħalla fuq Facebook.

Said spjega kif lil din il-persuna infurmawha li b’ ffett minn ftit ġranet ilu pazjenti li jkollhom bżonn sling, soft collar jew cuff ser ikollhom jibdew iħallsu għalihom. “Din qatt ma kienet qabel u kienu pazjenti barranin biss li kienu jħallsu ghal dan”, sostna Chris Said fil-kummenti tiegħu.
Hu qal illi din il-persuna bir-ragun staqsiet jekk dan hux l-ewwel riżultat tal-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li dan il-Gvern determinat li jwettaq.

Jidher li din l-informazzjoni tant hi korretta li anke hemm direttiva li tistipola ċar li jrid jibda jintalab dan il-ħlas mill-Għawdxin. Issa, kull pazjent li jkollu bzonn sling, kullar jew cuff l-ewwel irid jittieħed il-Billing Office tal-Isptar sabiex iħallas għalihom. Sa ftit tal-ġimgħat ilu kienu jieħdu biss lill-pazjenti barranin.

Id-dubji dwar il-futur tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex u l-pjan li dan ikun privatizzat ilhom għaddejin xhur sħaħ. Dan ix-xahar stess il-kelliem tal-Oppożizzjoni Fredrick Azzopardi tkellem fil-Parlament dwar it-tħassib tal-Għawdxin u n-nuqqas ta’ informazzjoni rigward l-iskola medika ta’ Bart’s.

“L-impjegati tal-Isptar t’Għawdex għadhom fid-dlam, u hemm nuqqas ta’ informazzjoni kbira dwar il-pjan ta’ privatizzazjoni”, sostna Azzopardi fil-Parlament.

F’April li għadda, id-Dekan għall-Edukazzjoni ta’ Bart’s u l-Iskola tal-Mediċina u d-Dentristrija ta’ Londra Anthony Warrens ikkonferma li Bart’s mhux se jinvestu fl-iskola medika li sippost se tinfetaħ f’Għawdex. Din id-dikjrazzjoni saret f’artiklu fuq l-internet li fih kien kwotat Anthony Warrens li ta iktar informazjzoni dwar kif se topera din l-iskola u l-ħidma li qed issir.

Jirriżulta li l-istudenti li se jattendu l-Univerista Queen Mary ta’ Londra se jħallsu €35,000 fis-sena għall-istudji tagħhom. Il-korsijiet se jkunu mifruxa fuq ħames snin minn Settembru bi dħul inizjali ta’ 60 student. Ir-rapport jispeċifika li l-istudenti se jattendu l-korsijiet fuq sptar mibni mill-Gvern Malti, li skont l-artiklu qed jimmira li jattira pazjenti privati bi ħlas f’Malta.

F’Marzu l-Prim Ministru kien ħabbar investiment ta’ €200 miljun fil-qasam tas-saħħa fl-istess waqt li ħabbar il-ftuħ ta’ campus ta’ Bart’s School of Medicine and Dentistry f’Għawdex. Iżda ftit tal-jiem biss wara li ħarġet din l-aħbar kien sar magħruf illi ma jeżisti l-ebda investiment ta €200 miljun la minn Bart’s u l-anqas minn ħaddieħor.