L-awtoritajiet Żvediżi qed jinvestigaw rapport dwar sejba ta’ fdalijiet ta’ sottomarin fl-ibħra territorjali ta’ pajjiżhom.
Il-militar tal-Iżvezja kien qed jistudja filmat tal-fdalijiet li ħadu l-bugħaddasa lil hinn mill-kosta tal-Lvant. Il-bugħaddasa tal-Ocean X Team, sadanittant, qed jgħidu li sabu ‘mini-submarine’ Russu wara li analizzaw il-kitba fuq il-qafas tal-inġenju inkwistjoni.
Madankollu, il-militar Żvediż saħaq li kien għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid definittivament jekk il-fdalijiet li nstabu humiex tassew ta’ sottomarin.
Proprju s-sena l-oħra, il-militar Żvediż wettaq tfittxija intensiva għal suspettat sottomarin Russu fl-ibħra territorjali tiegħu. Numru ta’ bastimenti u vapuri tal-qawwiet navali, f’Ottubru li għadda, fittxew fl-arċipielgu ta’ Stokkolma, iżda l-missjoni waqfet wara ġimgħa u mingħajr l-ebda riżultat.
Ir-Russja dejjem ċaħdet li xi sottomarin tagħha seta’ kien involut f’dan il-każ.
//= $special ?>