Internazzjonali

Jirriżenja mill-House of Lords wara każ li xxokkja lir-Renju Unit

Baron Sewel ta’ Gilcomstoun irriżenja mill-House of Lords tar-Renju Unit wara li nqabad fuq filmat li fih, allegatament, deher qed jieħu d-droga fl-appartament tiegħu, f’Westminster, akkumpanjat minn żewġ prostituti.

Qed jingħad li filmat li kisbet ‘The Sun on Sunday’ juri lil Sewel, eks-Ministru Laburista għall-Ambjent, l-Agrikultura u s-Sajd, qed jieħu l-kokaina. Intant, Sewel, li kien Deputat Speaker fil-House of Lords, bagħat ittra lill-Clerk tal-Parlament u fiha kiteb li xtaq jitlob skuża għall-inkwiet li ħoloq u għal din is-sitwazzjoni imbarazzanti.

Hu qed jittama li r-riżenja tiegħu tgħin biex tillimita u ssewwi l-ħsara ta’ għemilu.

Il-Pulizija, sadanittant, bdiet investigazzjoni kriminali dwar il-każ waqt li marret tfittex fi proprjetà, fiċ-ċentru ta’ Londra.

Kelliema għall-Pulizija Metropolitana qalu li qed jindagaw l-allegazzjonijiet ta’ abbużi konnessi mad-droga li jinvolvu membru tal-House of Lords.